Ibnu s-soċjetà fuq solidarjetà fraterna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iraqini biex jerġgħu jibnu s-soċjetà fuq solidarjetà fraterna

L-ewwel diskors tal-Papa Franġisku, kien indirizzat lill-awtoritajiet, impjegati taċ-ċivil u diplomatiċi. Fl-ewwel diskors tat-33 żjara tiegħu barra l-Italja, l-Qdusija Tiegħu, nnota li l-vjaġġ tiegħu fl-Iraq kien qed iseħħ fi żmien meta d-dinja kienet qed tipprova toħroġ mill-pandemija tal-Covid-19.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-kriżijiet li qed jiffaċċja l-Iraq jistgħu jingħelbu billi tinbena soċjetà bbażata fuq unjoni fraterna, solidarjetà u konkordanza permezz t’atti konkreti ta’ kura u servizz, speċjalment għal dawk vulnerabbli u dawk l-aktar fil-bżonn. Wara kriżi, dak li jgħinna nibnu mill-ġdid id-dinja aħjar minn dak li kien qabel huwa l-virtù tas-solidarjetà u l-koeżistenza fraterna.

L-effetti diżastrużi tal-gwerer, il-pjaga tat-terroriżmu, u l-kunflitti settarji li affettwaw l-Iraq matul bosta deċenji, ħafna drabi kienu msejsa fuq fundamentaliżmu nkapaċi li jaċċetta l-koeżistenza paċifika ta’ gruppi etniċi w reliġjużi differenti, ideat u kulturi differenti. Dan ġab il-mewt, il-qerda u r-rovina, mhux biss materjalment iżda wkoll ta’ qsim il-qalb u feriti li se jdumu s-snin biex ifiequ.

Il-Papa Franġisku qal li biss meta nitgħallmu nħarsu lil hinn mid-differenzi tagħna u naraw lil xulxin bħala membri tal-istess familja umana, nkunu nistgħu nibdew proċess effettiv ta’ bini mill-ġdid u nħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri dinja aħjar, aktar ġusta w aktar umana. F’dan ir-rigward, huwa rrimarka li l-Iraq, bil-marka distintiva tiegħu ta’ diversità reliġjuża, kulturali w etnika, huwa msejjaħ biex juri lil kulħadd, b’mod speċjali fil-Lvant Nofsani, li d-diversità għandha twassal għal kooperazzjoni armonjuża fi ħdan soċjetà, aktar milli tagħti lok għal kunflitt.

“Jalla l-kunflitt ta’ armi jiġu msikkta” fl-Iraq u kullimkien, il-Papa ħeġġeġ, qabel ma beda jagħmel sensiela t’appelli. Huwa appella għat-tmiem tal-interessi partiġjani, u biex tinstema’ l-vuċi ta’ dawk li jaħdmu għall-paċi, tal-umli, tal-foqra u tal-irġiel u n-nisa ordinarji.

Il-Papa Franġisku fakkar ukoll lill-komunità nternazzjonali fid-dmir tagħha li tippromwovi l-paċi fl-Iraq u fil-Lvant Nofsani kollu. Il-Qdusija Tiegħu rringrazzja lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, nklużi aġenziji Kattoliċi, li qed jaħdmu fl-Iraq biex tingħata għajnuna umanitarja lir-refuġjati, lill-persuni spostati internament u lil dawk li qed jippruvaw jirritornaw lura d-dar.

Il-Knisja Kattolika fl-Iraq, qal il-Papa, tixtieq li tikkopera b’mod kostruttiv ma’ reliġjonijiet oħra biex taqdi l-kawża tal-paċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-iraq-apostolic-journey-authorities-diplomats.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: