Żjara biex il-ħitan jinbidli f’pontijiet

Print Friendly, PDF & Email

Iż-żjara tal-Papa fl-Iraq tgħin biex jissostitwixxu l-ħitan f’pontijiet

Mill-2014, is-Servizzi ta’ Għajnuna Kattolika għenu iktar minn 350,000 Iraqi milquta mill-gwerra w l-vjolenza. Ix-xogħol jinkludi edukazzjoni, għixien, u kenn. L-organizzazzjoni tappoġġja wkoll lill-mexxejja reliġjużi, l-komunitajiet u gruppi taż-żgħażagħ biex jaħdmu flimkien, ħalli jerġgħu jibnu l-fiduċja mill-ħsara tal-vjolenza li ġarbet matul is-snin.

Ir-rappreżentant tal-pajjiż tas-CRS David Bernocchi qal li l-messaġġ tal-Papa Franġisku qed jintlaqa’ mill-poplu b’ħafna ferħ. Huwa żied, li din hija opportunità prezzjuża biex tinġibed l-attenzjoni internazzjonali lejn pajjiż li sofra ħafna w li għandu bżonn l-appoġġ. Madankollu, huwa qal li l-Iraq għad għandu kwistjonijiet maġġuri: “1.2 miljun ruħ għadhom spostati w kważi 5 miljun persuna għadhom kemm waslu lura f’żoni li għadhom mhumiex adattati biex jilqgħu lura popolazzjoni tant kbira.”

Bernocchi spjega li l-kriżi ekonomika sejra għall-agħar minħabba ċ-ċaqliq fil-prezz taż-żejt, u dan qed jimbotta lil ħafna fil-faqar u ċċaħħad lill-gvern mill-mezzi biex jgħin lin-nies tiegħu.

Rigward it-tema taż-żjara tal-Papa, “Intom lkoll aħwa”, u l-messaġġ qawwi tiegħu ta’ Fraternità Umana, Bernocchi qal li huwa “messaġġ estremament importanti għal dan il-pajjiż f’dan iż-żmien.” Huwa nnota li l-Iraq fid-deċenji li għaddew sofra qasmiet etniċi, settarji w politiċi li poġġew nisġa soċjali taħt ħafna stress. Hija okkażjoni għall-Papa, “biex bil-mod iġib in-nies u l-knejjes lokali barra miż-żoni ta’ kumdità tagħhom fis-sens li fl-aħħar deċenji kull komunità probbabilment ħasset il-ħtieġa li tipproteġi lilha nfisha minn ħaddieħor, u hekk bnew ħitan.”  Bernocchi temm jgħid, li l-messaġġ tal-Papa Franġisku huwa stedina biex “dawk il-ħitan jinbidlu f’pontijiet sabiex il-pajjiż jerġa’ jinbena flimkien.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-03/pope-visit-iraq-catholic-relief-services-interview-bernocchi.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d