Wara sekli ta’ tmexxija Ottomana, mitt sena ilu, l-Iraq ħareġ bħala unità politika. Matul is-seklu li għadda, l-Insara Iraqqini raw żminijiet ta’ ġid u koeżistenza paċifika, iżda kellhom ukoll isofru gwerer orribbli u persekuzzjonijiet.
Il-Vjaġġ Appostoliku tal-Papa Franġisku lejn l-Iraq, beda l-Ġimgħa 5 ta’ Marzu, u jikkonċidi mall-100 anniversarju tal-ħolqien tar-Renju tal-Iraq, l-ewwel taħt l-Amministrazzjoni Ingliża (1921-1932), imbagħad bħal stat sovran taħt ir-Re Hashemite Faisal I u s-suċċessuri tiegħu. Aktar tard, il-monarkija twaqqgħet, u wara sensiela ta’ kolp ta’ stat, fl-1968, ir-Repubblika tal-Iraq ittieħdet mill-partit Baath, b’Saddam Hussein bħala president mill-1979 sa l-2003.
Matul ir-reġim ta’ Saddam, l-Iraqini sofrew permezz tal-Gwerra Iraq-Iran (1980-1988), kif ukoll il-Gwerra tal-Golf (1990-1991). Wara l-waqgħa ta’ Saddam, fl-2003, il-pajjiż ġarrab snin estremament kaotiċi, li wasslu għat-telf ta’ territorji kbar mill-ISIS, l-hekk imsejjaħ ‘Istat Iżlamiku’ (2014-2017).
Għal ħafna mis-seklu li għadda, l-Insara tal-Iraq għexu fil-paċi u l-armonija mal-ġirien tagħhom Musulmani. L-Iraq kien pajjiż sinjur u li fih ir-risq, skejjel Kristjani, li ħafna minnhom kienu mmexxija minn ordnijiet reliġjużi tal-Punent, li kienu apprezzati ħafna għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja tagħhom. L-Insara kienu wkoll rappreżentati fil-parlament Iraqi.
Madankollu, L-Insara fl-Iraq kellhom jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet u traġedji varji. Ftit wara l-Indipendenza tal-Iraq, Insara Assirjani (Knisja tal-Lvant) sofrew minn massakri f’Simele u rħula oħra fit-tramuntana tal-Iraq, fejn mijiet jekk mhux eluf ġew maqtula bla ħniena. Matul ir-reġim ta’ Baath, l-edukazzjoni privata ġiet abolita, li ċaħdet lill-Insara mill-iskejjel stmati ħafna tagħhom. Pereżempju, l-Università rispettata tal-Ġiżwiti al-Hikma, ġiet mkeċċija fl-1968. L-Insara li jgħixu fit-tramuntana ffaċjaw dilemmi kbar fejn ser jagħżlu, jew il-gvern ċentrali jew n-naħa tal-Kurdi. Kwalunkwe naħa li għażlu, kienu suxxettibli għal attakki minn naħa l-oħra.
Matul is-snin diżastrużi ta’ wara l-Gwerra tal-Iraq (2003), ħafna Nsara Iraqqini, nklużi saċerdoti u isqfijiet, inqatlu jew inħatfu. Iżlamisti vjolenti ġiegħlu lill-Insara joħorġu u jagħlqu l-knejjes tagħhom. Fost il-martri kien hemm saċerdot Kattoliku Kaldew, Fr. Ragheed Ganni, li fit-3 ta’ Ġunju 2007, qal l-aħħar kliem memorabbli tiegħu lill-irġiel armati li heddewh: “Kif nista’ nagħlaq id-dar t’Alla?”
Fl-2014, l-ISIS ħadu l-kontroll ta’ Mosul, u ħafna mill-irħula Nsara fil-qrib, u ġiegħlu lill-Insara jaħarbu mingħajr l-affarijiet tagħhom. Għexieren ta’ eluf ħarbu lejn Erbil, il-Kapitali tal-Kurdistan, fejn il-knejjes inbidlu f’ċentri għar-refuġjati. Wara l-waqgħa tal-ISIS, xi Nsara setgħu jirritornaw lejn djarhom, filwaqt li oħrajn le. Fil-Qaraqosh, l-ikbar belt li fiha Nsara, madwar nofs il-popolazzjoni ta’ ħamsin elf ruħ li kien hemm qabel l-invażjoni tal-ISIS, irritornaw lura.
Fl-aħħar deċenji, n-numru ta’ Nsara fl-Iraq naqas b’rata allarmanti. Fiċ-ċensiment tal-1951, il-perċentwal ta’ Insara fl-Iraq kien dak ta’ 6.4%, filwaqt li llum huwa stmat għal 0.5%.
Kemm il-Papa Franġisku, kif ukoll il-President tal-Iraq, u l-Patrijarka tal-Knisja tal-Kaldeja, kollha jaqblu li l-preżenza tal-minoranza Nisranija li hija antika, hija essenzjali għall-pajjiż, Wieħed mill-għanjiet taż-żjara papali x’aktarx ser tkun li jħeġġeġ lill-Insara Iraqini biex jibqgħu jew jirritornaw id-dar jekk dejjem hu possibli.
Diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u gruppi ta’ karitajiet qed jipprovdu għajnuna lill-Insara tal-Iraq, u jgħinuhom jibqgħu jew jibnu mill-ġdid djarhom u l-komunitajiet tagħhom. Għexieren ta’ parroċċi ġew ittrasformati f’ċentri ta’ tama, billi pprovdew għajnuna materjali u spiritwali, bħal self żgħir għall-imprendituri, pakketti tal-ikel għall-familji li qed jitħabtu, terapija għal dawk trawmati, kif ukoll studju bibliku u katekeżi kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-03/pope-francis-iraq-christians-100-years-history.html