L-Imħabba tagħna kuljum

Print Friendly, PDF & Email

LAQGĦA ONLINE LI TNIEDI PROGRAMM TA’ ATTIVITAJIET FL-OKKAŻJONI TAL-ĦAMES ANNIVERSARJU TA’ AMORIS LAETITIA

Appuntament nhar id-19 ta’ Marzu imniedi mid-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja, id-Djoċesi ta’ Ruma u l-Istitut Teoloġiku Ġwanni Pawlu II

L-imħabba tagħna ta’ kuljum: dan hu l-isem tal-laqgħa online organizzata nhar id-19 ta’ Marzu mid-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja, id-Djoċesi ta’ Ruma u l-Istitut Teoloġiku Ġwanni Pawlu II, biex tiftaħ is-sena dedikata lill-familja fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mill-pubblikazzjoni ta’ Amoris Laetitia.

Din hija l-bidu ta’ mixja, aktar milli ċelebrazzjoni: l-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, skont il-promuturi, fil-fatt tiġbor fiha rikkezza li għad irridu niskopru, u din l-attività tad-19 ta’ Marzu, li se tkun imxandra online fuq il-mezzi soċjali tat-tliet entitajiet, hija l-bidu tal-ħidma li se ssir.  

“Din il-‘provokazzjoni’ tal-Papa, trid iċċaqla            q il-Knisja kollha kemm hi”, spjegaw l-organizzaturi, li għandhom il-ħsieb li joffru kontribuzzjoni li tkun kapaċi tgħaqad flimkien it-teoloġija u l-pastorali fid-dawl tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji li hi ppjanata li ssir f’Ruma fis-sena 2022.  

Din l-attività online, hija maqsuma f’żewġ laqgħat, miftuħin għal kulħadd. Waħda fit-3.00pm (Il-Ħames Anniversarju ta’ “Amoris Laetitia”) u l-oħra fl-4.30pm (Approfondiment Teoloġiku) li se jkunu mxandrin dirett mill-Istitut Ġwanni Pawlu II fuq il-kanal ta’ YouTube u fuq il-mezzi tat-tliet entitajiet.  

L-ewwel laqgħa, li l-qofol tagħha se jkun messaġġ mill-Papa Franġisku, se jieħdu sehem il-Kardinal  Kevin Joseph Farrell, prefett tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja; il-Kardinal Angelo De Donatis, il-Vigarju tal-Papa għad-Djoċesi ta’ Ruma, u l-Arċisqof Vincenzo Paglia, il-Kanċillier tal-Istitut Pontifiċju Ġanni Pawlu II. Se jitkellmu wkoll Pierangelo Sequeri, Rettur tal-istess Istitut, kif ukoll il-koppja Giuseppina De Simone u Franco Miano, li ħadu sehem fis-Sinodi tal-Familja.  

It-tieni laqgħa se tieħu xejra iktar akkademika, u se jkun fiha preżentazzjonijiet – li se jkunu kordinati mit-teologu Giovanni Cesare Pagazzi – minn Nuria Calduch-Benages mill-Università Gregorjana, Antonio Pitta mill-Università Laterana, Vincenzo Rosito mill-Istitut Ġwanni Pawlu II u mill-Isqof Dario Gervasi, isqof awżiljarju ta’ Ruma u delegat għall-ministeru tal-familja.  

Is-sena dedikata lill-familja u l-ħames anniversarju ta’ Amoris Laetitia issejħu mill-Papa Franġisku nhar is-27 ta’ Diċembru 2020, sabiex jinqata’ l-frott tal-Eżortazzjoni Appostolika post sinodali u sabiex iġġib il-knisja eqreb tal-familji fid-dinja, familji li din l-aħħar sena għaddew mill-prova tal-pandemija.  

Din is-sena tal-familja, kordinata mid-Dikasteru, tintemm nhar is-26 ta’ Ġunju 2022, permezz tal-għaxar Laqgħa Dinjija tal-Familji.  Ir-riflessjonijiet li joħorġu se jkunu għad-dispożizzjoni ta’ komunitajiet ekkleżjali u tal-familji, biex jakkumpanjawhom fil-mixja tagħhom.  

“Il-patt tar-raġel u l-mara, li tħaddan l-istorja u l-qagħda umana,” spjega Pierangelo Sequeri, “idur fuq il-familja, imma jmur lil hinn minnha: Il-vokazzjoni Nisranija hija li twassal dan il-patt fl-oqsma kollha tal-politika, tal-ekonomija, tal-liġi, tas-saħħa u tal-kultura”.

Biex tista’ ssegwi din il-laqgħa

https://www.youtube.com/channel/UCkI4OUXU7_LBguDrPZQKsng

Għal aktar tagħrif:

Pamela Fabiano – Tel. +39. 339.40.34.163.

Arnaldo Casali – Tel. +39.347.45.69.510

%d bloggers like this: