Għall-grazzja tal-Mulej pajjiżna hu tassew mogħni b’parroċċi iddedikati lil Sidtna Marija. Din hi grazzja l-għaliex ilkoll nafu x’qawwa għandu talbha quddiem il-Mulej, għalija u għalik, ulied Eva, kif nitolbu tajjeb fis-Salve Regina.
Innu sabiħ li jista’ jiġi iċċelebrat matul il-jiem tal-festa f’dawn il-parroċċi iddedikati lil Sidtna Marija hu l-Akathistos jew aħjar l-Innu Liturġiku Biżantin f’ġieħ il-Verġni Marija Omm Alla. Tajjeb ngħidu li dan l-Innu, li illum teżiżti wkoll it-traduzzjoni mitqlu deheb li kien għamel għall-Malti il-mibki Monsinjur Professur Dun Karm Sant, huwa tassew f’loku biex wieħed ikun jista’ jitħeġġeġ bil-bosta għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa iddedikata lil Verġni Marija.
L-Innu jissejjaħ Akathistos, u li dan żgur li ma kienx l-isem oriġinali tiegħu, għax il-poplu jkantah bil-wieqfa. Mela, fl-istess pożizzjoni li wieħed jisma’ l-qari tal-Vanġelu. L-Akathistos hu Innu miktub minn awtur mhux magħruf bejn l-aħħar nofs tas-seklu V u l-bidu tas-seklu VI. Sa minn dak iż-żmien ‘l hawn baqa’ jitkanta b’mod solenni fil-ħames Sibt tar-Randan, appuntu msejjaħ Sibt l-Akathistos, b’uffiċċjatura għalih minsuġa minn Salmi u talb, u, sintendi, b’inqas solennità fis-Sibtijiet l-oħra tar-Randan.
L-Akathistos kien jitkanta kull meta l-belt ta’ Kostantinopli kienet tkun meħlusa minn xi invażjoni jew assedju tal-għedewwa bit-talb ta’ Marija Verġni, il-ħarriesa tal-belt. Dan l-Innu kien jitkanta wkoll fil-bżonnijiet kollha skont ix-xewqa tal-Insara. Hu għalhekk li nsibuh tradott u użat mill-Knejjes Biżantini ta’ kull ilsien, kemm dawk Kattoliċi u kif ukoll dawk Ortodossi. Dan l-Innu daħal ukoll fl-Ewropa tal-punent madwar is-sena 800 bit-traduzzjoni Latina minn Kristofor, Isqof ta’ Venezja.
Illum il-ġurnata, l-Akathistos hu tradott fl-ilsna moderni u jintuża ħafna f’diversi okkażjonijiet. Fil-fatt, fl-1981, kien intużat fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-1550 anniversarju tal-Konċilju ta’ Efesu, meta f’dan l-istess konċilju kienet ipproklamata d-domma tal-Maternità Divina ta’ Marija, li saret fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore skont ix-xewqa tal-Papa qaddis San Ġwann Pawlu II u fil-preżenza tar-rappreżentanti ta’ delegazzjonijiet tal-Knejjes Ortodossi u Protestanti.
L-Innu hu magħmul min 24 strofa eżattament skont il-għadd ta’ l-ittri ta’ l-alfabett Grieg. L-ewwel tnax jiffurmaw il-parti storika skont il-Vanġeli tat-tfulija ta’ Ġesù filwaqt li t-tieni 12 jittrattaw id-duttrina teoloġika. Fi kliem ieħor, għandna f’idejna l-istorja li twassal għall-fidi fil-misteru ta’ Marija fuq l-isfond tal-misteru ta’ Ġesù Kristu stess li tagħhom hi xhud il-Knisja fil-fidi u l-ħajja tagħha.
L-24 strofa huma mqassma f’żewġ żewġ. L-ewwel waħda f’kull żewġ hi itwal mill-oħra għax titwal bi tnax-il akklamazzjoni lil Marija, li jagħlqu bl-akklamazzjoni: ifraħ, Għarusa u Verġni! It-tieni strofa ta’ kull żewġ, il-qosra, jagħlqu bl-akklamazzjoni: Halleluja. Hekk għandna 144 (12×12) akklamazzjoni. Intressanti li kien hemm min ħaseb li din l-istruttura mibnija fuq in-numru 12 ġejja mit-tnax-il kewkba madwar ras il-Mara ta’ l-Apokalissi (Apk 12,1) u nżidu aħna l-144,000 verġni li jiġru wara l-Ħaruf (Apk 14,4) jew l-144,000 mifdija u issiġillati (Apk 7,4).
Is-suġġett hu żviluppat fuq żewġ livelli: il-livell ta’ l-istorja u l-livell tal-fidi. F’dawn iż-żewġ livelli hemm minsuġ il-misteru ta’ Marija f’nofshom. Fl-ewwel parti (strofi 1-12) għandna l-Vanġelu tat-tfulija ta’ Ġesù (Mt 1-2; Lq 1-2), jiġifieri r-rivelazzjoni storika ta’ Alla fost il-bnedmin. Fl-istrofi 1-6 il-Verb Inkarnat jidher lill-ewwel xhieda: Marija, Eliżabetta, Ġwanni, Ġużeppi. Fl-istrofi 7-12 jidher lid-dinja: ir-rgħajja, lil Xmun (Israel), lill-Maġi (il-pagani).
Dawn huma l-kwadri f’din il-parti: Tħabbira ta’ l-Anġlu, isseħħ l-Inkarnazzjoni (1); l-istagħġib ta’ Marija (2); Marija titlob spjegazzjoni (3); l-Ispirtu s-Santu jixħet id-dell tiegħu fuqha (4); iż-żjara lil Eliżabetta (5); ir-rivelazzjoni tal-misteru lil Ġużeppi (6) u lir-rgħajja (7); iż-żjara tal-Maġi (8); l-adorazzjoni tal-Maġi (9); il-Maġi jerġgħu lura f’pajjiżhom (10); Ġesù jidħol fl-Eġittu (11); fit-tempju quddiem Xmun (12).
Fit-tieni parti l-Akathistos jippreżentalna dawn il-kwadri: it-tnissil tal-Verb minn Verġni (13); il-bieb tal-ġenna miftuħ mill-ġdid għall-bnedmin (14); il-maternità divina, it-tron ta’ Alla (15); il-misteru tal-Inkarnazzjoni dawl ġdid għall-Anġli (16); it-Twelid minn Verġni abbiss tal-Għerf ta’ Alla (17); qatt ma stajna nagħrfu lil Alla kieku ma niżilx fostna f’sura ta’ bniedem (18); Marija mudell tal-Verġni, il-bidu tal-Knisja (19); id-dover tal-Verġni li jaduraw lil Alla (20); il-maternità spiritwali ta’ Marija, Omm il-Knisja (21); il-Feddej niżel fostna biex jagħtina l-grazzja (22); Marija hi t-tempju ta’ Alla, it-tama tal-fidili (23); Marija l-avukata tagħna (24).
Ifraħ! Din l-istedina mhix għajr l-istedina ta’ Gabrijel lil Marija meta wasslilha l-istedina tal-Mulej biex tkun Omm il-Feddej, bil-Grieg Khaire, li s-soltu nittraduċuha: Ave jew Sliem. Din it-traduzzjoni mhix eżatta. Marija u aħna magħha mistiedna biex nifirħu għax Alla ġie jgħammar fostna. Fl-aħħar għandna l-akklamazzjoni: Għarusa u Verġni. Marija hi Verġni, ebda bniedem maħluq ma jaħkimha, imma fl-istess ħin hi marbuta mar-rieda tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Hekk naraw kif il-Fidwa, fl-aħħar mill-aħħar, hi opra tat-Trinità Qaddisa waħedha. Kulma jitlob il-Mulej minna hi l-fidi, bħal fidi ta’ Marija (Iż 7,9).
Mela, dan l-Innu jiġbor fih id-duttrina jew id-deskrizzjoni tar-realtà sopranaturali tal-Misteru ta’ Marija li fiha l-Mulej ingħaqad mal-bniedem, biex il-bniedem jingħaqad mal-Mulej. Verità li tiżboq l-intelliġenza tagħna ta’ bnedmin li aħna. Verità li għandha timliena bil-ferħ tant li ngħajtu ma’ Marija: Il-Mulej għamel magħna ħwejjeġ kbar (Lq 1:49).
Ikun għaqli jekk il-parroċċa li tkun qed tiċċelebra l-festa lil Sidtna Marija tikkuntattja lill-Parroċċa Griega Kattolika Biżantina tal-Madonna tad-Damaxxena fil-Belt Valletta, biex tkun hi li tmexxi dan l-Innu hekk sabiħ. B’hekk il-festa isservi biex iż-żewġ pulmuni tal-Knisja, dak tal-Lvant Biżantin u kif ukoll dak tal-Punent, jitolbu flimkien għas-saħħa li tiġi mill-għaqda tal-Ġisem wieħed ta’ Kristu, li hu l-Knisja. Ħadd ħlief il-Verġni Omm Alla u Ommna Marija, m’hi l-Ikona tal-Knisja, l-Omm spiritwali li, bit-talb mimli mħabba tagħha, tidħol għalina, id-dixxipli ta’ Kristu u għall-ħutna l-bnedmin kollha.