Ħadet l-impenn li tgħix tassew fl-imħabba u l-għożża ta’ għajrha

Għadna kemm bdejna r-Randan imqaddes. Iż-żmien speċjali li fih inħejju lilna nfusna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, jiġifieri tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Dan ir-Randan hu tabilħaqq speċjali għax qed ngħixuh f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Bħalma nafu l-pandemija tal-coronavirus ħalliet u għadha tħalli qed għadd ta’ vittmi. Mhux le qed nitħaddet biss minn dawk li mietu bil-virus, imma, u fuq kollox, f’dawk in-nies li sfaw miġruħa bil-ġerħat li din il-pandemija fetħet fl-ekonomija, fir-relazzjonijiet u fil-ħajja soċjali u privata tagħna, ilkoll kemm aħna. Dan qaluh l-isqfijiet stess fl-Ittra Pastorali li bgħatulna. Fil-fatt, Mons. Charles J. Scicluna, Mons. Anton Refalo u Mons. Joseph Galea-Curmi, kitbulna hekk: Qabel xejn, għandna f’qalbna dawk il-persuni li jħossuhom emarġinati jew huma fil-periferija, li huma kultant vittmi ta’ dik li l-Papa jsejjaħ “il-kultura tal-iskart”. Il-pandemija tal-COVID-19 ħarġet aktar fid-deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom. Matul dan iż-żmien żdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir-relazzjonijiet.

Madankollu ma rridux le ninsew wkoll lil dawk li ħallewna minħabba din il-pandemija qerrieda li, bil-minġel kiefer tagħha, ħasditilna tant u tant persuni għeżież għalina. Fost dawn il-persuni li sfaw vittmi tal-covid-19 nixtieq infakkar b’tant rispett, mħabba u ammirazzjoni kbira t-tifkira għażiża ta’ Lucia Falzon li ħallietna fl-ewwel jiem ta’ din is-sena 2021, fix-xahar ta’ Jannar.

Għal min kien midħla tagħha Lucia tassew kienet mara tal-Mulej. Fejn kien jidħol il-Mulej ma kien jidħol ħadd. B’liema mħabba u għaqal kienet tmexxi l-komunità tagħha tat-talb Familja Mqaddsa. Għadni niftakar qisu issa meta, lura fl-2008, kienet stednitni biex nibda’ nagħti s-sehem tiegħi, flimkien ma’ għadd ta’ saċerdoti oħra, fiha. L-ewwel fil-Mosta, sewwasew fiċ-Ċentru Sant’Andrija u mbagħad, dan l-aħħar, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ħaż-Żebbuġ.

Meta l-Mulej ifakkarni f’Lucia jitlagħli paragrafu ferm sabiħ mill-Ittra Pastorali li ħarġulna l-Isqfijiet tagħna għal dan ir-Randan u li jgħid hekk: Quddiem ir-realtà ta’ persuni li qed ibatu, nistgħu jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu biex ngħinu. Aħna rridu nsellmu lil tant persuni li qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’ dawn il-persuni vulnerabbli. Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l-għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll il-karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom. Il-Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna nisimgħu l-karba ta’ dawk il-persuni li qed ifittxu kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji, nisimgħu l-istejjer tal-ħajjiet imċarrta tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati.

Kemm nara dan il-paragrafu joqgħod kexxun għall-ħajja sabiħa u qaddisa ta’ Lucia! Qatt u qatt ma niftakar li kien hemm xi darba li din oħtna baqgħet għaddejja u ma tagħtx każ, ma waqfitx u ma għenitx lil min kien qed ibati. Għall-kuntrarju! Ta’ mara li kienet temmen fuq li temmen fil-ħniena ta’ Kristu, quddiem il-bżonn Lucia mill-ewwel kienet tieqaf tgħin. Jien stess nixhed kemm persuni qaltli bihom li kellhom bżonn talb ta’ kuraġġ u, flimkien, morna għandhom u tlabna magħhom. Kemm dawn il-persuni wara ħassewhom aħjar! U tifhimha! L-għaliex il-Mulej, permezz ta’ Lucia, seta’ ikun is-Samaritan it-tajjeb magħhom!

Anki fil-komunità tat-talb Familja Mqaddsa Lucia dejjem rat kif għamlet biex tiftaħha għal dawn li kienu jħossuhom waħehom u mtaqqla bid-diffikultajiet tal-ħajja. Lucia kienet l-anġlu tal-faraġ għall-persuni vulnerabbli l-għaliex bl-għożża u s-solidarjetà tagħha semgħet il-karba siekta ta’ dawn in-nies, għamlitha tagħha u kienet il-kenn tagħhom. Lucia kienet dik li biha l-Mulej, bl-akbar sinċerità tal-qalb, reġa’ irrestawra tant ħajjiet minsija u li ġew mitqiesa bħala skart minn oħrajn. Bl-imħabba u l-ġenerożità kbira tagħha hi laqgħet, ħarset, wiżnet u integrat lil dawn in-nies fqar u moħbija tallum. Kemm ikkunslat nies, fosthom lili l-ewwel wieħed, bil-kliem ta’ inkuraġġiment u mimli tama li kienet tant taf tagħti lil għajrha miġrugħ u muġugħ!

Iżda din l-imħabba kbira li Lucia kellha għal għajrha kienet tgħixha b’mod l-aktar qawwi u sabiħ fil-familja tagħha. B’liema mħabba kienet tħobb lil żewġha, liż-żewġ uliedha, lil żewġ bintha, lill-għarusa tat-tifel u lin-neputija tagħha. U, l-indafa impekkabbli ta’ darha kienet tleqq bħal dawl qawwi fil-mod mimli mħabba li bih kienet tittratta ma’ kull membru tal-familja tagħha. Lucia kienet il-mara ħabrieka u attenta biex iżżomm lill-familja tagħha kuntenta u li ma tkun nieqsa minn xejn mhux biss fejn jidħol il-ġisem imma, u fuq kollox, fejn tidħol ir-ruħ.

Għaliha joqgħodu dawn il-kelmiet tant sbieħ li l-Kelma ta’ Alla tagħtina għall-mara li fiha jibbrilla d-dawl tal-Mulej, fil-Ktieb tal-Proverbji:

Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar. Fuqha tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur ikunlu ta’ ġid. Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tfittex suf u ħjut tal-qoton, u taħdmu bil-qalb b’idejha. Bħal ġifen tal-merkanti, hi ġġib mill-bogħod ikilha. Tqum ikun għadu billejl, tħejji l-ikel għan-nies ta’ darha, u x-xogħol lix-xebbiet tagħha. Titfa’ għajnejha fuq għalqa, u tixtriha; bil-qligħ ta’ idejha tħawwilha dwieli. Tħażżem ġenbejha bil-qawwa, u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha. Tara r-riżq tax-xogħol tagħha; lanqas billejl ma titfi l-musbieħ tagħha. Tmidd idejha għall-magħżel, jaqbdu d-dussies idejha. Tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken. Ma tibżax mis-silġ għan-nies ta’ darha, għax kollha għandhom żewġt ilbiesi. Ħwejjiġha hi tagħmilhom; għażel fin u porpra lbiesha. Żewġha magħruf f’bieb il-belt, meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż. Tinseġ drapp tal-għażel u tbigħu; u tagħti trieħi lill-merkanti. Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa, tħares daħkana lejn il-ġejjieni. Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha. Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha, minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt. Uliedha jqumu u hienja jsejħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: “Ħafna nisa wrew ħila kbira imma inti lkoll għaddejthom.” Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha. Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha (Prov 31:10-31).

Personalment, din il-mara, bis-sempliċità u bil-ħniena kbira tagħha, ikkovinċietni li l-imħabba vera mhix qiegħdha fil-ħafna paroli fil-vojt u li ma jiswix karlin. Lanqas ma tinstab fl-iffanfrar biex wieħed jidher ħa juri kemm hu bravu! U brava! Le! L-imħabba vera hi siekta. Kif jgħidilna tant tajjeb Ġesù: Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu (Mt 6:2-4).

Għemilha qaddis ġabni aktar konxju ta’ dak li kienet tgħid Santa Tereża ta’ Kalkutta: Xerred l-imħabba kulfejn tkun. Tħalli lil ħadd jiġi għandek mingħajr ma jitlaq aktar ferħan u ferħana. Għemil Lucia jikkonvinċi l-għaliex kienet temmen bis-sħiħ, kif tgħid l-istess Madre Tereża, li tkun fidil u fidila fl-affarijiet iż-żgħar l-għaliex fihom li l-qawwa tiegħek qiegħdha.

Lucia kienet taf tħobb lil għajrha bid-dettalji, fl-affarijiet l-aktar ċkejkna u li dak li jkun faċli jgħoddhom b’insinifikanti imma, u fil-verità, għandhom importanza kbira fil-ħajja. Kienet konvinta, bħal Madre Tereża, li mhux ilkoll kemm aħna nistgħu nwettqu affarijiet kbar. Imma nistgħu nwettqu affarijiet żgħar bi mħabba kbira.

Fl-ittra Pastorali tagħhom l-Isqfijiet jiktbulna: Jeħtieġ naħdmu biex infejqu l-ġrieħi, u dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra... Il-maħfra tfisser li ma nħallux l-esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana. Il-maħfra tgħinna noħorġu miċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis-sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa. L-enċiklika Fratelli Tutti tistedinna għal imħabba li tkisser il-ktajjen, mhux toħloq ktajjen ġodda, u li tibni pontijiet u mhux ħitan. B’hekk inkunu nistgħu negħlbu l-preġudizzji, il-ħitan li nbnew tul is-snin, u nkunu parti attiva fil-fejqan ta’ soċjetà miġruħa.

Dik kienet Lucia Falzon! Il-mara li tfejjaq il-ġrieħi għax ħafret. Il-mara li, għalkemm kien hemm min weġġagħha, baqgħet xorta waħda tħobb, tkisser il-ktajjen u tibni pontijiet. Għalhekk issa, fis-sema, ma’ Ġesù u Marija li tant kienet tħobb, qed titlob għalina. Jalla ħajjitha, hekk imbierka għax impenjata fl-imħabba u fl-għożża ta’ għajrha, tkun ta’ ispirazzjoni għal ħajtek kif żgur hi għal ħajti!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading