Vaċċin lil dawk bla saqaf

Print Friendly, PDF & Email

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, l-Vatikan ser jagħti l-vaċċin lil dawk li ma għandhomx saqaf fuq rashom

Hekk kif id-dinja tkompli tadotta miżuri biex tiġġieled l-emerġenza tas-saħħa li għaddejja bħalissa, l-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali, b’reazzjoni għall-bosta appelli tal-Papa Franġisku, li ħadd ma għandu jkun eskluż milli jirċievi l-vaċċin tal-Covid-19, qed jieħu azzjoni biex jakkumpanja lill-aktar vulnerabbli.

Fi stqarrija maħruġa nħar il-Ġimgħa, intqal li matul il-Ġimgħa Mqaddsa, 1,200 mill-ifqar u l-iktar nies emarġinati se jkollhom l-opportunità li jitlaqqmu bil-vaċċin Pfizer-BioNTech – l-istess vaċċin amministrat lill-Papa w lill-impjegati tas-Santa Sede.

Il-vaċċin se jiġi amministrat f’faċilità ddisinjata apposta ġewwa s-Sala Pawlu VI. It-tobba w l-ħaddiema tas-saħħa involuti fil-proċess jinkludu voluntiera li jaħdmu fi klinika tas-saħħa “Madre di Misericrodia” li tinsab taħt il-kolonnat tal-Bernini, impjegati tad-Direttorat tas-Saħħa w l-Iġjene tal-Vatikan, kif ukoll voluntiera mill-Istitut tal-Medicina Solidale u l-Isptar Spallanzani ta’ Ruma.

Id-dożi tal-vaċċin nxtraw mis-Santa Sede w huma offruti mill-Isptar Spallanzani permezz tal-Kummissjoni Covid-19 tal-Vatikan.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-03/pope-francis-charity-vatican-homeless.html