“Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas”. Rom: 8,22
Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap
Matul dan ix-xahar ta’ April sejrin għal sena oħra niċċelebraw il-Festa tal-Għid il-Kbir. Niċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt li bata għalina fuq is-Salib bil-għan li jsalvana. “Imma jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom” (1 Kor. 15,14).
IN-NATURA TKELLIMNA MILL-QAWMIEN
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru tal-Għid I-Kbir ta’ Kristu sseħħ propju fi żmien ir-rebbiegħa, staġun li meta nagħtu ħarsa lejn in-natura ta’ madwarna nosservaw twelid, qawmien u tiġdid wara x-xhur tax-xitwa. Għalhekk wieħed mis-simboli tal-Għid Il-Kbir huwa l-‘bajda’ tal-Għid. Il-bajda li tfaqqas u jitwieled il-fellus. Simbolu ieħor huwa il-‘farfett’ li minn fosqa magħluqa bħal f’qabar, joħroġ u jibda jtir. Fi żmien ir-rebbiegħa n-natura titkellem mill-qawmien, mit-tiġdid, u mit-twelid. Dan il-ħsieb dwar in-natura ta’ madwarna li tinsab fi proċess kontinwu ta’ twelid, ta’ tiġdid u ta’ qawmien ifissru tajjeb ferm, fi ftit kliem, dak li ħallielna San Pawl fl-Ittra tiegħu lir-Rumana: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas (8, 22). X’inhu dan ‘l-uġigħ tal-ħlas’ jekk mhux li anke l-ħolqien huwa ddestinat li kuljum jitwieled u jiġġeded ma’ Kristu Rxoxt?
L-GĦID TA’ KRISTU JSIR L-GĦID TAGĦNA
X’rabta tal-għaġeb teżisit bejn il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet mall-qawmien:
1. L-ewwel u qabel kollox tagħna: il-qawmien tiegħi u tiegħek ILLUM billi ngħixu kuljum il-misteru tal-Għid. Il-Għid ta’ Kristu jsir l-Għid tagħna billi ma’ Kristu kulljum inqumu mill-mewt li jġib id-dnub għall-ħajja tal-grazzja, sakemm fl-aħħar mall-mewt tal-ġisem tagħħħna ma’ Kristu nirxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem fl-eternita.
2. It-Tieni r-rabta li hemm bejn il-qawmen ta’ Kristu Rxoxt man-natura, mall-ħolqien ta’ madwarna. Għalhekk mall-Għid ta’ kull wieħed u waħda minna rridu wkoll niskopru wkoll l-Għid tan-natura, tal-art, tal-ekoloġija, tal-ħolqien kollu.
IL-JUM INTERNAZZJONALI ‘TA’ OMMNA L-ART’
Proprpju f’dan is-sens Kristoloġiku u Ekoloġiku li qed nitkellmu minnu f’relazzjoni ma’ Kristu Rxoxt, fl-isess xahar ta’ April, nhar it-22 ta’ April, bħal ta kull sena, f’isem il-Ġnus Maqgħuda niċċelebraw Il-Jum Dinji ‘TA’ OMMNA L-ART’. Dan il-jum kien ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-Amerika fis-sena 1970. Dak innhar madwar 20 miljun ruħ ħarġu jgħollu leħenhom favur l-ambjent. Il-promotur ta’ dan kien is-Senatur Gaylord Nelson. Kellhom jgħaddu 99 sena sakemm il-Ġnus Maqgħud uffiċċjalment, fis-sena 2009, poġġew dan il-jum fuq livell internazzjonali wara kunsultazzjoni ma’ 192 pajjiż.
SENS TEOLOĠIKU LILL-ĦARSIEN TAL-AMBJENT
Meta nitkellmu favur l-ambjent hemm żewġ toroq:
1. Hemm dik pjuttost egoistika. Dawn l-għażla tagħhom tkun aktar waħda politika li faċilment issir waħda idejoloġika. Għażla li ssir fuq dak li jaqbel lilek u lil ta’ warajk. Ħafna drabi l-ambjentalisit jieħdu din l-attitudni. Dawn jaslu biex jitkellmu favur il-ħarsien tal-ambjent għax hekk jaqbel lilhom, għax hu tajjeb għal saħħtek u għal ħajtek. Imma dan mhux biżżejjed.
2. Hemm it-tieni triq li bħala nsara għandna dejjem nagħżlu lilha bi priorità. It-triq tal-fidi magħġuna mall-imħabba. Inħares u nipproteġi l-ambjent għax dan hu kreazzjoni ta’ Alla. Għax huwa dimensjoni importanti mill-imħabba tagħna lejn l-oħrajn; u l-oħrajn m’humiex biss il-bnedmin imma anke l-kreaturi li jsiru l-proxxmu tagħna. Fil-ħarsa tagħna lejn il-ħolqien, fuq l-eżempju ta’ San Franġisk t’Assisi – Partun tal-Ekoloġija, jinħtieġ li nħarsu lejn kull krejatura bħala ‘ħija’ u ‘oħti’ fil-waqt li l-art li minnha ħriġt u lejha nerġa’ mmur hija ‘ommna’. Din hija wkoll id-duttrina li l-Papa Franġisku kontinwament qed jisħaq fuqha.
‘JIENA IL-BIDU U T-TMIEM … L-ALFA U L-OMEGA’
Nikkonkludi dan il-ħsieb li xtaqt naqsam magħhom. Ktibt mill-Misteru tal-Għid Il-Kbir li qegħdin niċċelebraw. Pero flimkien tajna ħarsa teoloġika u rajna kemm dan il-Misetru tal-Qawmin ta’ Kristu mill-imwiet huwa mifrux. Ma nieqfux inħarsu lejh biss fih innifsu imma b’rabta magħna. Din hija s-sejħa tagħna: li ngħixu kulljum dan il-Misieru tal-Għid. Aktar minn hekk jidħol fl-isfera tal-ħolqien. Il-ħolqien kollu qed igawdi u jgħix dan il-misteru. Tkun gidba, ipokresija li bħala nisrani tiċċelebra s-solennità tal-Għid il-Kbir imbagħad teqred, tniġġes u ma tħarsx l-ambjent. Għalhekk l-istess misteru ta’ Kristu Rxoxt jinħtieġ li jnissel fina mħabba akbar lejn in-natura, lejn l-ambjent li huwa hu wkoll ħolqien ta’ Alla mifdi minn Kristu Rxoxt. Kemm huwa floku u toqgħod għal dan li qed ngħidu t-tema magħżula għal din is-sena mill-Ġnus Maqgħuda biex tiċċelebra t-12-il-JUM INTERNAZZJONALI TA’ ‘OMMNA L-ART’! It-tema għas-sena 2021 hija ‘RESTORE OUR EARTH’. Forsi mhux dan huwa l-qofol tal-messaġġ tal-Għid Il-Kbir! Nhar il-Vġili tal-Għid, filwaqt li ċ-ċelebrant ibierek l-ilma u n-nar (il-ħolqien) jikteb fuq il-blandun imbierek (li jippreżenta lil Kristu Rxoxt fostna) il-kelmiet: “KRISTU huwa l-ALFA u l-OMEGA – il-BIDU u t-TMIEM”. Ta’ min? Tiegħi u tiegħek. Tal-ħolqien kollu.
Il-Mulej jagħtikom is-sliem!