Il-qawmien ta’ Kristu fi żmienna. Omelija fl-Għid il-Kbir mill-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħadd, 4 ta’ April 2021: Ħadd il-Għid: Omelija fl-Għid tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

Il-qawmien ta’ Kristu fi żmienna

Il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-mewt hi l-isbaħ u l-ikbar ġrajja fl-istorja. Fuqha sserraħ il-fidi tagħna. Aħna nemmnu li Kristu qam mill-mewt, Kristu ħareġ rebbieħ, u minħabba f’hekk il-ħajja kollha tiegħu għalina tfisser salvazzjoni; u aħna nistgħu nemmnu f’dak li hu rebbieħ li lilna jagħtina wkoll garanzija għall-ħajja tagħna.

Li kieku Kristu ma qamx, kieku aħna qed nitkellmu differenti fuq il-ħajja tiegħu. Kieku nitkellmu biss fuq dak li għamel u għallem bħala parti mill-istorja, li forsi nħarsu lejha b’simpatija imma ma għandhiex x’taqsam ma’ kif inħarsu lejha llum meta nafu li Kristu qam u li Kristu hu ħaj.

Mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem

Għalhekk lilna, l-ewwel nett, Ġesù jagħtina s-salvazzjoni, jgħinna biex nifhmu li aħna salvati u li aħna mexjin f’direzzjoni, aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem. Għax Kristu qam mill-mewt, aħna wkoll meta naslu għall-mument tal-mewt, ma nispiċċawx fix-xejn. Lilna li nemmnu fih Alla jagħtina l-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk il-ġrajja tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu lilna tagħtina din it-tama li aħna mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem, u l-mixja tagħna hawnhekk għandha direzzjoni u direzzjoni sabiħa.

Il-qawmien ta’ Ġesu Kristu għandu messaġġ importanti għalina, fil-ħajja tagħna llum, aħna u mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem. Jgħidilna ħafna fuq l-għażliet tal-ħajja tagħna, fuq l-istil tal-ħajja tagħna, fuq dak li għandna norbtu qalbna miegħu hawnhekk f’din il-ħajja.

Fil-ħajja tagħna personali

L-ewwel nett għall-ħajja tagħna personali, x’ifisser il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt? Ifisser li hu lilna jagħtina l-grazzja li nqumu għal ħajja ġdida, li nqumu mid-dnub tagħna meta aħna nonqsuh lil Alla, li nqumu mill-mumenti diffiċli tagħna, proprju għax nemmnu fil-qawmien ta’ Kristu u nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu.

Lilna jgħinna biex aħna ma nħallux is-sentimenti li kultant inħossu f’qalbna ta’ vendikazzjoni, ta’ għira, ta’ konflitt inutli, ta’ mibegħda – ma nħallux dawn jirbħuna u jmexxuna fil-ħajja tagħna. Hekk wera Kristu meta qam mill-mewt u rebaħ il-mewt u rebaħ fuq dawk kollha li fil-Passjoni kellhom dawn is-sentimenti u mexxewhom, għax il-Passjoni hi l-istorja ta’ dawn is-sentimenti kollha koroh fil-ħajja. Għalhekk, lilna personali Kristu ħaj jagħtina din il-qawwa biex aħna nqumu minn dan; ma nibqgħux immexxijin mis-sentimenti koroh fil-ħajja, imma negħlbuhom bis-saħħa tiegħu, bil-qawwa tiegħu, proprju għaliex Kristu hu ħaj.

Fil-ħajja tal-bnedmin ħutna

Jgħinna wkoll mhux biss għall-ħajja tagħna personali imma wkoll għall-mod kif aħna ngħixu mal-oħrajn, is-sehem li nistgħu nagħtu lill-oħrajn, u s-sehem tagħna wkoll fis-soċjetà llum. Għalhekk, il-qawmien ta’ Kristu jfakkarna li kull meta aħna naħdmu bis-serjetà biex nipproteġu l-ħajja, biex nerfgħu l-bniedem mill-miżerja, biex ngħinu l-persuni jgħixu b’dinjità, kull meta ngħinu lil min qiegħed f’sitwazzjoni disperata biex ikollu t-tama, qed nipparteċipaw fil-qawmien ta’ Kristu. Hekk ifisser fil-mixja tagħna tal-ħajja l-qawmien ta’ Kristu.

Aħna għandna esperjenza ta’ ħafna nies, u f’din l-esperjenza kerha tal-pandemija, kellna ħafna li taw xhieda ta’ dan. Min għen lill-morda b’kura u attenzjoni, min waqaf ma’ min kien waħdu jew waħedha u ħassewhom iżolati; min kien b’ansjetà jew bi problemi ta’ saħħa mentali u sabu appoġġ u solidarjetà. Kellna min ukoll ta l-ikel lil min kien jonqsu l-ikel. Nistgħu naħsbu f’diversi azzjonijiet sbieħ li juru proprju dak li l-qawmien ta’ Kristu jfisser: il-ħajja, l-imħabba, id-dinjità tal-persuna li tiġi rispettata.

Nissieħbu fil-qawmien tiegħu

Aħna nistgħu nħarsu madwarna u naraw diversi okkażjonijiet fejn nistgħu nipparteċipaw illum mill-qawmien ta’ Kristu – nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu fil-ħajja llum. Dan ifisser il-qawmien: mhux li aħna ma nħabbtux wiċċna ma’ affarijiet koroh fil-ħajja, ma’ diffikultajiet, ma’ tbatija; imma li hu jagħtina l-għajnuna biex mill-ħażin noħorġu t-tajjeb, minn sitwazzjoni ta’ disperazzjoni noħorġu t-tama, biex dejjem inwasslu l-imħabba u l-ħajja.

Għalhekk, kull min qed jaħdem illum biex jipproteġi l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha, qed jieħu sehem mill-qawmien ta’ Kristu.

Kull min jgħin lil dawk li huma vittmi ta’ vjolenza domestika biex joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż u ma jibqgħux imsallbin imma jgħixu b’dinjità, qed jieħu sehem mill-qawmien ta’ Kristu llum.

Kull min jgħin lill-persuni biex isalvaw ħajjithom u ma jħallihomx jegħrqu, imma jagħtihom l-id ta’ għajnuna biex jistgħu jgħixu, qed jieħu sehem illum mill-qawmien ta’ Kristu.

Kull min jgħin lill-persuni biex ma jgħixux f’sitwazzjoni miżerabbli u tal-biki, f’kundizzjonjiet ħżiena, imma f’kundizzjonijiet li jirrispettaw id-dinjità tagħhom, qed jieħu sehem mill-qawmien ta’ Kristu.

Kull min jgħin illum lil dawk li huma vittmi tad-droga biex joħorġu mill-vizzju flok jagħtihom karrotta biex iktar jidħlu fil-vizzju, u kull min jgħinna wkoll biex inkabbru ħxejjex li huma ta’ ġid għas-saħħa u għall-ħajja tagħna u mhux ta’ dannu għas-saħħa u l-ħajja tagħna, qed jieħu sehem mill-qawmien ta’ Kristu.

Kull min iħares il-ħolqien li tana Alla u jipproteġih mill-qerda, qed jieħu sehem mill-qawmien ta’ Kristu.

Bil-qawwa li tiġi minnu

Dan ifisser li aħna llum naħdmu wkoll b’determinazzjoni biex dak li Ġesù għallimna ngħixuh, għax nafu li hu veru, għax nafu li Kristu hu ħaj. Nagħmlu l-ħajja ta’ hawn isbaħ, ħafna aħjar, ħafna aktar ta’ ġid għall-oħrajn.

Għalhekk, hu dan il-mod kif ngħixu llum il-qawmien ta’ Kristu fil-ħajja tagħna kemm personali kif ukoll mal-oħrajn u fl-impenn tagħna fis-soċjetà. Nissieħbu miegħu fil-qawmien tiegħu. Aħna u mexjin lejn il-ħajja ta’ dejjem – il-garanzija li tana li l-mewt ma tkunx l-aħħar kelma, imma li aħna nqumu għal ħajja ġdida – aħna u mexjin ’l hemm, illum stess ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum dak li jfisser il-qawmien ta’ Kristu għalina.

Ejjew nitolbuh biex jagħtina ħafna sentimenti ta’ paċi, ta’ mħabba, ta’ attenzjoni u sensittività lejn l-oħrajn; biex jagħtina dik il-qawwa li tiġi minnu ħalli aħna l-ħajja tagħna ngħixuha tassew bħala nies mimlijin tama għax nafu li salvati minn Kristu li hu ħaj u li nistgħu ngħixu wkoll illum il-qawmien tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Leave a Reply