Lura fil-knejjes biex niċċelebraw il-qsim tal-ħobż: l-Ewkaristija

Il-Ħadd, 18 ta’ April 2021: Omelija tat-Tielet Ħadd tal-Għid mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tas-Sorijiet ta’ Madre Tereża, Bormla.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-lum jibda billi jsemmi żewġ dixxipli; ir-rakkont tal-esperjenza tagħhom qrajnieh f’jum il-Għid il-Kbir u aħna nafuhom bħala ż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Meta jagħrfu lil Ġesù, jirritornaw minn fejn kienu ġew, jirritornaw Ġerusalemm u jgħidu lill-ħdax li kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż (Lq 24:35). Din l-espressjoni sabiħa, ‘il-qsim tal-ħobż’, hija l-iżjed isem antik li aħna l-Insara għandna għall-Ewkaristija: il-qsim tal-ħobż.

L-esperjenza ta’ dawn id-dixxipli hija li jiltaqgħu ma’ Ġesù fl-esperjenza tal-Ewkaristija. Jistednuh joqgħod magħhom, jidħol, u fil-qsim tal-ħobż jagħrfuh, jgħib minn quddiemhom u ma jibqgħux jarawh bl-għajnejn tal-ġisem għaliex m’għandhomx bżonn; huwa magħhom. It-talba tagħhom, “Ibqa’ magħna” (Lq 24:29), jagħqlagħhielhom u jagħrfuh fl-Ewkaristija.

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġesù jiltaqa’ mal-ħdax f’Ġerusalemm. Għall-bidu jaħsbu li l-preżenza tiegħu mhijiex reali u jaħsbuh xi fantażma (ara Lq 24:27), imma hu jinsisti: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu” (Lq 24:38-39). Ġesù jinsisti li l-preżenza tiegħu hija preżenza ħajja; mhijiex preżenza virtwali, li nara stampa, li nara pittura, li narah fuq it-televixin. Ġesù qiegħed miegħi, qiegħed magħna. Allura sseħħ il-profezija ta’ ismu li mhuwiex biss Alla li jsalva, ‘Jeshua’, imma wkoll ‘Għimmanu-El’, Alla magħna.

Hu jinsisti li jiekol xi ħaġa magħhom. F’dan ir-rakkont, l-ikel ma’ Ġesù huwa l-espressjoni tal-intimità tagħna miegħu, u jsir importanti ħafna għaliex ir-rakkont jibda bl-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws jgħidu li “rajnieh fil-qsim tal-ħobż,” u Ġesù stess, preżenti fost id-dixxipli, jitlobhom jiekol xi ħaġa. ‘“Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?’ Huma jressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, hu ħadha u kielha quddiemhom” (Lq 24:41-42).

Xi tfisser dil-ħaġa? Li l-Irxoxt għandu ħerqa li l-preżenza tiegħu fostna tkun mhux biss imfakkra imma wkoll li ngħixuha bil-laqgħa ta’ bejnietna fl-Ewkaristija, fl-ikla li hu waqqaf b’tifkira tiegħu: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). Bħalma għamel ukoll mad-dixxipli ta’ Għemmaws, lil-ħdax miġburin f’Ġerusalemm: jiftħilhom il-menti tagħhom biex jifhmu kulma hemm miktub dwaru fl-iskrittura ta’ Mosè, il-profeti u s-Salmi. “U qalilhom: ‘Hekk kien hemm miktub li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet u li l-indiema, il-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu li l-ġnus kollha ibda minn Ġerusalemm. Intom xħieda ta’ dan’” (Lq 24: 46-48).

F’dan ir-rakkont għandna l-esperjenza kollha li aħna ngħixu fil-quddiesa tal-Ħadd. Għaliex kull nhar ta’ Ħadd aħna l-Insara niltaqgħu fil-knejjes u fil-parroċċi tagħna? Biex niċċelebraw li f’dan l-ewwel jum tal-ġimgħa, il-Ħadd, nerġgħu nfakkru l-ħolqien mill-ġdid li aħna għexna f’jum l-Għid il-Kbir. Il-Ħadd huwa l-ewwel jum tal-ġimgħa li jfakkarna fil-ħolqien u jfakkarna fil-ħolqien mill-ġdid. L-Insara minn dejjem għamlu ħilithom biex ma jitilfux il-laqgħa ta’ bejniethom ta’ nhar ta Ħadd.

Il-qsim tal-ħobż irid ibiddilna f’xhud tal-Irxoxt.

L-elementi li għandna fl-Evanġelju tal-lum: l-ispjega tal-Iskritura li tiġi wara l-maħfra tad-dnubiet. B’xi mod l-ordni huwa: l-ewwel l-Ewkaristija, imbagħad il-Kelma, imbagħad il-maħfra. Imma aħna niċċelebrawha b’mod li l-ewwel nitolbu maħfra ta’ dnubietna — nagħmluha sikwit matul il-quddiesa — imbagħad nisimgħu l-Kelma, il-profeti anke l-appostli, l-Evanġelju, il-Kelma ta’ Ġesù, imbagħad niċċelebraw il-qsim tal-ħobż.

Il-qsim tal-ħobż irid ibiddilna f’xhud tal-Irxoxt. “Intom xhieda ta’ dan” (Lq 24:48). Fil-ħajja tagħna rridu nkunu xhieda tal-Ewkaristija li niċċelebraw billi naqsmu ħajjitna, naqsmu l-ħobż ta’ ħajjitna u l-inbid ta’ ħajjitna li huwa demmna, id-demm ta’ Ġesù, ma’ ħaddieħor. Il-karità hija marbuta ħafna mal-esperjenza tal-qsim tal-ħobż.

“Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn? (Lq 24:41). Din il-mistoqsija ma jgħidilniex biss Ġesù. Min jaf kemm nies ibatu l-ġuħ ipoġġulna din il-mistoqsija, forsi mhux direttament imma aħna nsiru nafu bil-bżonn tagħhom u nisimgħu fil-qalb tagħna din il-kelma ta’ Ġesù: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Għandek xi ħaġa x’tagħtini x’niekol u x’nixrob? Dan huwa l-istess Ġesù li jgħidilna fl-Evanġelju skont San Mattew: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni” (Mt 25:35). Imma fl-Ewkaristija hu stess li jagħtina x’nieklu: ġismu. Hu stess li jagħtina nixorbu: demmu, il-ħajja tiegħu stess.

Għalhekk fl-aħħar tal-quddiesa s-saċerdot jagħtina missjoni: “Morru fil-paċi ta’ Kristu”.

F’dan il-Jum tal-Karità ma nistgħux ninsew li l-esperjenza tal-Ewkaristija hija esperjenza ta’ qadi lil Ġesù, li jagħti ħajtu għalina imma wkoll tagħtina qawwa biex nagħtu ħajjitna lil xulxin biex aħna nkunu wkoll dak l-ikel u xorb li jagħti l-ħajja lid-dinja. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna u nirritornaw fil-knejjes tagħna, kull min jista’, biex niċċelebraw l-Ewkaristija, nifhmu l-kelma ta’ Ġesù: “Intom xhud ta’ dan” (Mt 24:48). Għalhekk fl-aħħar tal-quddiesa s-saċerdot jagħtina missjoni: “Morru fil-paċi ta’ Kristu”. Mhux itilqu għax sar il-ħin, mhux itilqu għax il-knisja donnha se taqa’ fuq rasek, imma mur u kun xhud ta’ dak li ċċċelebrajna.

Jiena nixtieq ukoll nirringrazzja lil tant voluntiera li f’din l-aħħar sena għamlu dak kollu li jistgħu biex il-knejjes tagħna jkunu siguri, biex jilqgħu lin-nies billi jiċċekjaw it-temperatura, jagħmlu s-sanitiser, ipoġġu n-nies fil-postijiet assenjati ħalli jkunu hemm ukoll d-distanza soċjali. Dawn huma kollha esiġenżi ta’ dan iż-żmien tal-pandemija. Insellem ukoll lill-kappillani, lir-retturi tal-knejjes, lill-patrijiet li jieħdu ħsieb il-kunventi tagħna,  li qed jagħmlu tant xogħol biex jilqgħu l-komunità.

F’dan il-jum tal-Ħadd, fejn issa għandna l-permess tal-awtoritajiet tas-saħħa li nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna bil-protokolli miftehmin, irridu nirringrazzjaw lil Alla u l-ewwel nett nitolbuh biex ma nerġgħux niġu fil-mument li jkollna niċċaħdu mill-Ewkaristija flimkien, iżda nħarsu ’l quddiem u nitolbu għas-saħħa ta’ pajjiżna biex ma niċċaħħdux minn xulxin  u mill-grazzja u d-don tal-Ewkaristija.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3:13-15,17-19
Salm: 4:2,4,7,9
Qari II: 1 Ġw 2:1-5a
Evanġelju: Lq 24:35-48

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply