Illum, il-Vatikan se jkun qed joffri vaċċini Covid-19 lill-persuni bla dar u persuni vulnerabbli. L-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali qed jikkoordina l-inizjattiva, li se ssir fis-Sala Pawlu VI. Sadanittant, il-kampanja “vaċċin sospiż”, li diġà għamlitha possibbli li tgħin pajjiżi f’diffikultà serja minħabba l-pandemija, qed tkompli, b’kontribuzzjonijiet li jaqbżu l-aspettattivi.
Hija talba li ġiet spontanjament minn dawk li jgħixu fit-toroq, li ntlaqtu mill-ġenerożità tal-Papa, u mix-xewqa tiegħu li jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli u dawk l-aktar esposti għal Covid-19. Il-Kardinal Konrad Krajewski, responsabbli mill-Karità Papali, qal lir-Radju tal-Vatikan kif, għal dawk il-ġimagħtejn, il-klinika “Omm il-Ħniena”, li tinsab fil-Kolonat ta’ San Pietru, ilha taċċetta applikazzjonijiet minn dawk li riedu jiġu mlaqqma. Illum, madwar 300 persuna huma mistennija fis-Sala Pawlu VI. Dawn huma nies li, għal diversi raġunijiet, ġeneralment mhumiex assistiti mill-organizzazzjonijiet tal-karità li jservu ż-żona.
Fl-aħħar ġimgħat, madwar 1,400 persuna fqira f’ċirkostanzi simili rċevew tilqim fil-Vatikan. Sadanittant, l-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali jirrapporta li l-kampanja “vaccino sospeso” wriet saħansitra aktar popolari milli kien mistenni. Il-kampanja tieħu isimha minn drawwa Taljana: persuna tista’ tħallas għal żewġ tazzi tal-kafè jew aktar, tixrob waħda hi stess u tħalli lill-oħra “sospiża.” Il-bar iżomm rekord ta’ dawn il-“caffè sospesi” sabiex il-persuni jkunu jistgħu jordnaw “caffe sospeso” – “kafè sospiż” – mingħajr ma jkollhom iħallsu. Filwaqt li d-donazzjoni biex tgħin lil ħaddieħor tista’ ma tkunx l-iktar għażla ovvja fi żminijiet ta’ diffikultà, l-Uffiċċju għall-Karitajiet Papali jgħid li jista’ jkun ġest sinifikanti. Anke kontribuzzjonijiet żgħar jistgħu jammontaw, u jippermettu lill-Knisja tipprovdi għajnuna lil dawk fil-bżonn.
Il-kampanja kienet kapaċi tikkontribwixxi aktar minn 200 elf dollaru biex tgħin fil-ġlieda kontra l-koronavirus fl-Indja, pajjiż milqut ħafna mit-tieni mewġa tal-pandemija. Il-Papa Franġisku esprima l-qrubija u s-solidarjetà tiegħu mal-poplu tal-Indja, l-aktar reċenti f’ittra ndirizzata lill-Kardinal Oswald Gracias ta’ Bombay.
Is-Sirja, li tbati mhux biss mill-pandemija iżda wkoll minn aktar minn għaxar snin ta’ gwerra ċivili, rċeviet 350 elf ewro għall-istess għan.
L-Uffiċċju tal-Karitajiet Papali spjega li l-kontribuzzjonijiet huma fdati lin-nunzjaturi appostoliċi, li mbagħad iqassmuhom skont il-bżonn.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2021-05/vatican-to-offer-vaccines-to-more-than-300-people.html