L-isbaħ u l-aħjar. Omelija tas-Sitt Ħadd tal-Għid mill-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħadd, 9 ta’ Mejju 2021: Omelija tas-Sitt Ħadd tal-Għid mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

L-isbaħ u l-aħjar

Nixtieq li nistedinkom taħsbu ftit fuq esperjenzi fil-ħajja li jagħmluna kuntenti, li jagħtuna pjaċir. Qed nitkellem fuq dak li hu tajjeb, naturalment. Hemm ħafna affarijiet fil-ħajja li għalihom tgħid: “ara din tagħtini gost”. Jista’ jkun xi ħaġa li ilek tixtieq takkwista u akkwistajtha. Jew xi ħaġa li ppjanajt u marret kif xtaqt. Hemm ħafna affarijiet.

Imma mbagħad hemm ħaġa oħra li mhux biss tagħmilna kuntenti u tagħtina pjaċir, imma hi ħafna iktar minn hekk. Hi dik li tista’ timla l-qalb tagħna u tagħtina tassew ferħ u paċi, iktar minn sempliċi pjaċir. Din hi l-imħabba.

Ħalaqna xbieha tiegħu

Jekk taħsbu ftit, fil-ħajja l-isbaħ esperjenza hi fejn hemm tassew l-imħabba: li tħobb, u tkun maħbub jew maħbuba, hi l-esperjenza li timla l-qalb. Hemm raġuni għal dan. Meta Alla ħalaqna, Alla li hu mħabba – kif smajna proprju llum fil-kelma ta’ Alla – lilna ħalaqna xbieha tiegħu, u qiegħed fina din iż-żerriegħa ta’ mħabba biex aħna jkollna l-kapaċità li nħobbu u li nkunu maħbuba, u li hemm insibu tassew il-milja fil-ħajja tagħna. L-imħabba ġejja minn Alla, kif qal Ġesù fl-Evanġelju llum, u għalhekk hu jgħinna biex ngħixu l-istess ħajja tiegħu fina meta aħna nħobbu. U l-esperjenza tal-imħabba vera lilna tagħtina ħjiel ta’ x’jiġifieri Alla li hu mħabba, imħabba infinita.

L-imħabba sal-aħħar

Dan urihulna b’mod sabiħ ħafna Ġesù, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna. Fih stajna nifhmu ħafna aħjar din l-imħabba ta’ Alla fl-aqwa tagħha. Ġesù hawnhekk illum jispjega xi tfisser l-ikbar imħabba, meta jgħid: ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb. Meta aħna nisimgħu dal-kliem, moħħna jmur ħafna drabi mal-ewwel f’Ġesù msallab, il-kurċifiss, li hu s-sinjal tagħna l-Insara. Bir-raġun, hemm hu t-twettiq ta’ dan il-kliem: ħadd ma għandu mħabba akbar minn din li wieħed jagħti ħajtu għal min iħobb. Hemm għandna l-għotja sħiħa ta’ Ġesù għalina, għas-salvazzjoni tagħna. Ħabbna sal-aħħar. Fl-Istorja tal-Knisja hemm diversi nies li għexu tassew dan il-kliem ta’ Ġesù u waslu sa dak il-punt: li mietu għall-imħabba ta’ Alla u tal-oħrajn.

Imma Ġesù wriena ħaġa oħra importanti ħafna li tolqotna direttament, kull wieħed u waħda minna, fil-ħajja tagħna. Meta jitkellem fuq li wieħed jagħti ħajtu, jew li waħda tagħti ħajjitha, mhux qed jgħid biss għall-mewt, imma qed jgħid għall-ħajja kollha, kif uriena hu – li l-ħajja tgħixha bħala għotja, u għotja ta’ mħabba.

Din kienet l-esperjenza tan-nies meta ltaqgħu ma’ Ġesù fil-ħajja kollha tiegħu, kemm meta ltaqgħu miegħu individwalment, jew bħala grupp, kif ukoll il-folla tan-nies. Meta ltaqgħu miegħu, fih raw tassew l-imħabba ta’ Alla. Ħassew: Alla jħobbna. Ġesù jrid li hekk ngħixuha l-ħajja tagħna, u b’dal-mod nagħmlu din l-esperjenza ta’ mħabba, meta ħajjitna nagħmluha għotja ta’ mħabba lill-oħrajn.

Esperjenzi ta’ mħabba li tfisser għotja

Niltaqgħu ma’ diversi esperjenzi li jfakkruna f’dan. Il-Papa Franġisku jħeġġiġna: ħarsu madwarkom u araw kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù. Araw kemm nies, meta jgħixu ħajjithom bħala għotja, isibu l-milja tal-imħabba, u jxerrdu madwarhom din l-imħabba.

Tolqotni, per eżempju, l-esperjenza ta’ numru ta’ żgħażagħ li jiddedikaw numru ta’ ġimgħat biex jgħinu n-nies fil-bżonn. Qabel il-pandemija kienu jsiefru, dis-sena ma kienx possibbli jsiefru. L-esperjenza tagħhom hi: morna biex nagħtu, u rċevejna ħafna aktar milli tajna. Hi proprju din: morna biex nuru l-imħabba, imma dak li rċevejna f’qalbna hu ħafna aktar milli tajna, għax hi din l-imħabba li tgħixha bħala għotja dik li timla l-qalb u tagħti sens tassew lill-ħajja.

Għandna eżempji ta’ nies tul din is-sena u aktar ta’ pandemija, li ddedikaw ħajjithom għal dawk li huma fil-bżonn, għall-morda, għal dawk għaddejjin minn tbatija, u waqqfu ma’ dawn in-nies, u ppruvaw ikunu ta’ appoġġ għalihom. Dan hu l-għajxien tal-kelma ta’ Alla, l-imħabba bħala għotja.

Ommijiet li jgħixu din l-ikbar imħabba

Hemm diversi esperjenzi oħra fil-ħajja tagħna fejn naraw dan. Illum nixtieq insemmi, f’Jum l-Omm, b’mod partikulari lill-ommijiet – flimkien ukoll mal-missirijiet. Hemm tant esperjenzi sbieħ ta’ ommijiet li għexu u qed jgħixu din il-vokazzjoni tagħhom – għax hi vokazzjoni – proprju b’dal-mod li jsemmi Ġesù, billi jagħtu ħajjithom, jiddedikaw ħajjithom għal uliedhom. Għalihom l-iskop tagħhom hu li dak li jagħmlu, jagħmluh biex jgħinu lil uliedhom jikbru, jiżviluppaw, jibqgħu magħhom fil-mumenti kollha tal-ħajja tagħhom, anke fil-mumenti l-aktar diffiċli. Jgħixu din l-ikbar imħabba.

Meta tgħixu b’dal-mod, tinduna kemm hu veru dal-kliem ta’ Ġesù, li hi din l-imħabba li ġġib fil-qalb il-paċi u l-ferħ, għax timla l-qalb. Li hemm sabiħ ħafna f’dal-kliem ta’ Ġesù hu li mhux qed jgħid xi ħaġa li rridu nistennew xi ġurnata partikulari biex nistgħu ngħixuha, jew li jrid ikun hemm xi ċirkustanza straordinarja. Imma dan hu kliem li nistgħu ngħixuh kuljum fil-ħajja tagħna.

Fil-ħajja ordinarja

Meta aħna, il-ħajja tagħna ngħixuha tassew bħala għotja ta’ mħabba,  nagħmlu attenzjoni biex ngħixuha b’mod prattiku; għalhekk naraw li l-kliem tagħna jkun kliem li juri sensitività, jagħti appoġġ, sapport, li jfejjaq mhux li jweġġa’, li jkun kliem li jagħti t-tama, li jkun ta’ għajnuna għal min hu fil-bżonn. Anke s-smigħ tagħna – ħafna drabi l-akbar att ta’ karità hu li tisma’ lill-persuna – jista’ jgħin lin-nies fil-mumenti diffiċli, u hekk inkunu qed ngħixu tassew din l-imħabba, li toħroġna minn nfusna.

Din hi d-differenza kbira u sabiħa li jagħmel il-kliem ta’ Ġesù. Hu ma jridniex ninqatgħu għalina f’ħajjitna, sempliċiment naħsbu fina nfusna, dak li jaqbel lilna, kollox naraw kif nistgħu niġbdu lejna, lin-nies naraw fihom dak li nistgħu nakkwistaw minn fuqhom jew nieħdu minnhom; imma l-kontra, hu jrid li ngħixu ħajjitna bħala għotja,  u hemmhekk meta aħna fil-ħajja tagħna niżirgħu l-imħabba, hemm inxerrdu din l-imħabba.

Din hi t-talba li nixtieq nagħmel għalina llum: nitolbu lill-Mulej biex jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu, jurina kif hemm insibu tassew il-milja, il-ferħ, il-paċi li jagħmlu lil ħajjitna tassew ħajja sabiħa, u nitolbuh biex inkunu mal-oħrajn strumenti tal-imħabba tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply