X’jiswa f’ħajti?

Print Friendly, PDF & Email

Iż-żmien jgħaddi għal kulħadd. Bħalma jgħaddi għalija ukoll, il-Patri! U, aktar ma qed jgħaddi ż-żmien minn fuqi, bil-konsegwenzi u l-limitazzjonijiet li jġib miegħu f’ħajti, aktar qiegħed nistaqsi l-mistoqsija tal-mistoqsijiet: X’jiswa tassew f’ħajti?

Kien min għalih li jiswa hu li jafferma lilu nnifsu. Li juri snienu. Li juri li ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru. Li juri kemm hu raġel. Li juri li hu ta’ ħaqqa. Li juri li jew iżżulli minn nofs inkella nagħmel irmied. Imma fejnhom dawn in-nies? Għadek tisma’ ħosshom? Fejn marru nħbew dawn il-bulijiet? Minn ħajti dan li qiegħed jgħallimni l-Mulej: li min kixef snienu ħa jigdem kemm jiflaħ ġieh iż-żmien li snienu waqagħulu kollha. U, illum, mhux biss xjaħ imma meta qed jipprova jigdem lil xi ħadd hemm ħanek bla snien! U x’jista jagħmel ħanek bla snien ħbieb?

Kemm għerf il-ħajja jgħallimna fuq li jgħallimna. Dan bħal min kien jaħseb li, għax ta’ “arani u la tmissnix”, issa ħsibt li lħaqt is-sema b’idi! Tgħid iltqajna magħhom dawn it-tipi ta’ nies? Fejnhom? X’kien tmimhom? X’tifkira ħallew warajhom? Ġie l-ilma taż-żmien u għarraqhom! U, it-tifkira tagħhom issa saret biss irmied! Għax tassew irmied iġġibna l-attitudni kollha kburija ħbieb! Irmied li jtir mar-riħ! U li, daqskemm jgħaddi minn fuqu l-qilla taż-żmien, ma jibqa’ xejn aktar minnu! Jgħaddi fuq li jgħaddi!

U min, fil-verità, għadu mfakkar? U mfakkra? Tħaddet man-nies ħa tara! U, jekk għandek ċans, tista’ iżżur lilqalbek.com u hemm tara x’issib! Jibqgħu mfakkrin huma n-nies li taw ħajjithom għal ħaddieħor. Jibqgħu mfakkrin dawk li qdew u mhux fittxew li jimxu skont passjoniethom u ġew jaqgħu u jqumu minn ħaddieħor. Jibqgħu mfakkra dawk li qattgħu ħajjithom jaqdu lil min qed ibati u leħen m’għandux. Għax, dawn in-nies, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu fihom, setgħu jaraw li hi l-imħabba bħala għotja ġeneruża għall-oħrajn li tiswa fil-ħajja!

Mela mhux il-ħajja tal-għajjur li tih joskura l-fama ta’ dak u tal-ieħor, li dejjem issibu jparla u moħħu f’ħaddieħor! Il-ħajja ta’ dak, għalkemm tiswa’, bl-attitudni tiegħu faqqarha u ħlieha! Għax dejjem fittex kif ħa jpaxxi lilu nnifsu u, għall-ġid li l-Mulej jagħmel b’ħuħ, proprju ma jiflaħx għalih. Għax it-tifkira li ħela ħajtu jagħmel il-ħsara qed toqtlu naqra naqra.

Imma anki jekk insibni wieħed minnhom, ħa nibla’ ilsieni, għal darba, u nagħti ħajti għal min qed ibati. Għax meta ningħata għall-oħrajn li ħajti jibda jinkixef fiha l-valur veru tagħha. Huma l-fqar tallum, il-morda, il-priġunieri, l-imtaqqlin u l-imwarrbin, li jgħinuna naraw il-valur veru f’ħajjitna.

X’ħa nagħmel issa?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: