Wara ġlied ġdid fit-toroq ta’ Ġerusalemm, il-Papa Franġisku nhar il-Ħadd ħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ifittxu soluzzjoni komuni u jwarrbu l-vjolenza.
Il-Papa qal dan fl-indirizz tal-Ħadd tar-Reġina Coeli li qed isegwi l-avvenimenti f’Ġerusalemm bi tħassib. “Nitlob li l-belt tkun post ta’ laqgħa u mhux ta’ ġlied vjolenti, post ta’ talb u paċi,” huwa qal.
“Nistieden lil kulħadd biex ifittxu soluzzjonijiet komuni, sabiex l-identità multi-reliġjuża u multi-kulturali tal-Belt Imqaddsa tkun rispettata u li l-fraternità tkun tista’ tirbaħ,” qal il-Papa.
“Il-vjolenza tiġġenera biss vjolenza,” huwa kkonkluda. “Daqshekk b dan il-ġlied.”
L-appell tal-Papa ġie wara sensiela ta’ konfronti vjolenti li kkoinċidew max-xahar qaddis Musulman tar-Ramadan. L-inkwiet qajjem meta Iżrael imblokka żona popolari fejn il-Palestinjani tradizzjonalment jiltaqgħu fit-tmiem tas-sawm ta’ ġurnata.
Dak qajjem ħmistax ta’ ġlied qabel ma Iżrael fl-aħħar naqqas u neħħa r-restrizzjonijiet. Iżda l-ġlied reġgħu bdew il-ġimgħa li għaddiet wara li Iżrael hedded li jkeċċi għexieren ta’ Palestinjani minn distrett fil-Lvant ta’ Ġerusalemm. Issa fl-aħħar sessjoni ta’ vjolenza, 136 persuna sfaw midruba fil-kumpless ta’ Al-Aqsa, u bnadi oħra f’Ġerusalemm, il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija. Skont in-Nofs Qamar Aħmar Palestinjan, il-biċċa l-kbira weġġgħu wara li ntlaqtu f’wiċċhom u f’għajnejhom minn balal tal-lastku.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-francis-appeal-jerusalem-palestinian-clashes.html