Il-Papa jsejjaħ għall-paċi fl-Art Imqaddsa

Il-Papa jsejjaħ għall-paċi fl-Art Imqaddsa u jgħid li l-mewt tat-tfal hija inaċċettabli

Il-Papa Franġisku appella “f’isem Alla” għall-kalma fl-Art Imqaddsa, wara sebat ijiem ta’ ġlied li ħalla għexieren ta’ nies mejta u mijiet oħra midruba. Il-Qdusija Tiegħu qal li l-mewt ta’ tfal hija partikolarment “terribli u inaċċettabbli”. “Il-mewt tagħhom hija sinjal lin-nies ma jridux jibnu futur, imma jeqirduh.”

Huwa wissa li l-vjolenza u l-mibegħda li dejjem qed tikber u li qed taffettwa diversi bliet f’Iżrael “hija ferita serja għall-fraternità u l-koeżistenza paċifika fost iċ-ċittadini, li ser tkun diffiċli biex titfejjaq jekk ma niftħux għad-djalogu mmedjatament”.

Il-Papa ħeġġeġ lill-mexxejja Iżraeljani u Palestinjani “biex iwaqfu l-għajta qawwija tal-armi u biex jimxu fit-triq tal-paċi, bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali.” Huwa appella għat-talb “bla waqfien” għall-Iżraeljani u l-Palestinjani biex “isibu t-triq tad-djalogu u l-maħfra, biex ikunu paċenzjużi li jibnu l-paċi u l-ġustizzja, jinfetħu, pass pass, għal tama komuni, għall-koeżistenza bejn l-aħwa.” Il-Papa Franġisku mbagħad talab lill-fidili biex jitolbu għall-vittmi tal-kunflitt, b’mod speċjali għat-tfal. “Ejjew nitolbu għall-paċi lis-Sultana tal-Paċi”, u mexxa fir-reċita tal-Ave Marija.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-to-israeli-palestinian-leaders-stop-the-clamour-of-arms.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.