Il-Papa Franġisku talab biex fil-Mjanmar jikkonvertu l-qlub kollha għall-paċi
Bħala espressjoni tal-qrubija tal-Knisja man-nies li qed ibatu fil-Mjanmar, il-Papa Franġisku ngħaqqad mal-Kattoliċi Burmiżi għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd. Mijiet ta’ nies inqatlu u eluf indarbu fit-tliet xhur u nofs ta’ vjolenza wara li fi Frar li għadda sar kolp ta’ stat fejn waqqa’ lill-gvern ċivili elett tan-nazzjon. Il-Quddiesa saret fil-Bażilika ta’ San Pietru.
Waqt li fakkar fil-qari tal-Evanġelju, meta Ġesù talab għal ħbiebu, huwa u jippreparhom qabel ħalla lid-dinja, l-Papa qal li din is-silta tgħallimna kif għandna nittrattaw “mumenti drammatiċi u ta’ wġiegħ” fil-ħajja tagħna. Fit-talba lill-Missier, il-Mulej juża l-kelma “żomm”. Hekk kif il-Mjanmar qed tesperjenza “vjolenza, kunflitti u ripressjoni,” huwa qal, għandna nistaqsu lilna nfusna x’irridu nżommu.
It-tweġiba hija, li għandna tliet sfidi: li żżomm il-fidi, li żżomm l-unità, u li żżomm il-verità. Għandna bżonn il-fidi biex nevitaw li nċedu għad-disperazzjoni li ma tara l-ebda ħruġ. Dan iseħħ “jekk inżommu l-ħarsa tagħna mgħollija lejn is-sema u li nirrifjutaw li nċedu għall-loġika tal-mibegħda u l-vendikazzjoni, imma li nżommu l-ħarsa tagħna ffissata fuq l-Alla tal-imħabba, li jsejħilna biex inkunu aħwa bejnietna.” Il-Papa qal li t-talb huwa ċ-ċavetta ta’ dan.
Ġesù talab lill-Missier biex id-dixxipli jkunu magħqudin flimkien, “familja waħda li fiha ssaltan l-imħabba l-fraternità,” qal il-Papa, u talab biex nevitaw “il-marda tal-firda”. “D-diviżjoni hija l-arma tax-xitan”, iżda lkoll nistgħu nagħżlu “li nsibu l-kuraġġ li ngħixu f’ħbiberija, mħabba u fraternità,” huwa qal. Kull persuna, anke “f’affarijiet żgħar,” jista’ jkollha rwol peress li “l-impenn għall-paċi u l-fraternità dejjem jiġi minn taħt.”
L-importanza li tinżamm il-verità, qal il-Papa, tfisser mhux biss li tiddefendi l-ideat jew li ssir gwardjan ta’ sistema ta’ duttrini u dommi, imma li “tibqa’ marbut ma’ Kristu u tkun iddedikat għall-Evanġelju tiegħu”. Li żżomm il-verità tfisser ukoll li ma tgħawwiġx “l-Evanġelju għal modu ta’ ħsieb umani u tad-dinja, imma li tippreserva l-messaġġ tiegħu fl-integrità tiegħu… li tkun profeta f’kull sitwazzjoni fil-ħajja.” F’mumenti ta’ gwerra u mibegħda, “il-fedeltà għall-Evanġelju u li naħdmu għall-paċi titlob impenn”, inkluż permezz tal-għażliet soċjali u politiċi tagħna. Dan jiġi ma’ riskji, iżda “b’dan il-mod biss l-affarijiet jistgħu jinbidlu.” Il-Papa nnota li dan jirrikjedi wkoll kuraġġ. “Il-Mulej m’għandu l-ebda użu għall-min hu biered”.
Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku talab biex “Alla jikkonverti l-qlub kollha għall-paċi.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-05/pope-francis-on-myanmar-may-god-convert-all-hearts-to-peace.html