Irridu nagħtu l-għajnuna kollha lin-nisa li jinsabu f’diffikultà waqt it-tqala – l-Arċisqof
Fl-aħħar Ħadd tax-xahar ta’ Mejju, fl-Omelija li l-Arċisqof Charles Jude Scicluna kien qed jagħmel fl-Okkażjoni tas-Solennità ta’ Trinita Qaddisa, fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mirakli, f’Ħal-Lija; huwa jiftakar f’ħafna nisa u tfajliet li qegħdin f’xi diffikultà minħabba tqala, u li għandhom dilemma x’se jagħmlu.

Huwa appella “lin-nisa li jinsabu bejn ħalltejn x’se jagħmlu bihom infushom, bil-wild tagħhom ġewwa l-ġuf, biex jitolbu l-għajnuna għaliex ma jistax ikun li nħallu weħidha mara f’diffikultà”. Huwa ta’ numru tal-Life Line Malta: 20330023, kif ukoll s-sit: lifelinemalta.eu, biex min għandu bżonn l-għajnuna jagħmel kuntatt.
L-Arċisqof enfasizza li “l-Knisja f’Malta ma tistax tipprietka favur il-ħajja, u tinsa lin-nisa f’diffikultà.” Huwa fakkar li Marija kellha diffikultà, meta l-anġlu wrieha li ser issir omm Alla. Flimkien, Ġużeppi u Marija, affaċċjaw kull diffikultà li ltaqaw magħha.
“Bħala komunità Nisranija… f’isem Alla Sid il-ħajja, rridu nkunu qrib min hu f’diffikultà, għaliex inkella l-kelma tagħna favur il-ħajja tkun fqira u vojta”, huwa tenna. “Is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, li huwa mħabba, hija li nuru l-għożża għal xulxin u fiċ-ċirkustanzi attwali ejjew naħsbu fin-nisa li jinsabu f’diffikultà u nagħtuhom l-għajnuna kollha li għandhom bżonn”, ikkonkluda l-omelija tiegħu l-Arċisqof.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://laikosblog.org/2021/05/30/omelija-tas-solennita-tat-trinita-qaddisa-mill-arcisqof-charles-j-scicluna/