L-Indja: aktar minn 400 saċerdot u sorijiet mietu bil-Covid-19

Mill-inqas 205 saċerdot u 210 sorijiet mietu bil-Covid-19 fl-Indja, l-biċċa l-kbira minnhom fl-eqqel tat-tieni mewġa devastanti t’infezzjonijiet fil-pajjiż fix-xhur t’April u Mejju. Dan stqarru l-Kapuċċin, Patri Suresh Mathew, l-editur tar-rivista ‘Indian Currents’, immexxija mill-Knisja, li kien qiegħed jiġbor il-lista tas-saċerdoti u sorijiet tal-pajjiż li mietu bil-pandemija. Il-lista tinkludi tliet isqfijiet.

“Ir-rata għolja ta’ diżgrazzji fost is-saċerdoti u s-sorijiet hija dovuta minħabba li jaħdmu f’żoni remoti fejn il-faċilitajiet mediċi huma rari,” rrimarka Fr Suresh. “Ħafna minnhom irriskjaw ħajjithom biex jaqdu l-knisja u s-soċjetà. Huma għexu u ħadmu f’żoni rurali u mietu minħabba nuqqas t’infrastruttura fis-settur tas-saħħa”, huwa qal lil Vatican News.

In-numru tal-imwiet jinvolvi 98 djoċesijiet u 106 kongregazzjonijiet reliġjużi. Minkejja r-riskju t’infezzjoni, d-djoċesijiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi, biex itaffu t-tbatija tan-nies milquta mill-pandemija, għamlu l-faċilitajiet tagħhom disponibbli għat-trattament ta’ pazjenti bil-Covid-19.

Huwa qal li n-numru ta’ vittmi “żdied minħabba kundizzjonijiet u aċċess tard għall-isptarijiet li rriżultaw f’dijanjosi tardiva”. Huwa qal li wħud minn dawk infettati marru jagħmlu d-dmirijiet normali tagħhom. “Ġabriet, irtiri, laqgħat eċċ; li dan ikkawża numru kbir t’infezzjonijiet.” “Għandna nistabbilixxu mudell għal ħaddieħor billi nevitaw il-ġbir bla bżonn ta’ saċerdoti u reliġjużi,” rrimarka Patri Mathew, u żied li n-numri tal-imwiet kien ikun ħafna inqas kieku kien hemm biżżejjed vaċċini u rata ogħla ta’ tilqim.

Madankollu, Patri Mathew iħares lejn dan kollu fid-dawl tal-fidi. “Aħna nħarsu lejn l-imwiet tal-Covid u naċċettawhom bħala r-rieda t’Alla”. Huwa qal li dawk li mietu waqt il-missjoni tagħhom “qed igawdu l-hena ta’ dejjem”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-05/india-church-priests-nuns-deaths-covid19.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.