Irridu nagħtu l-għajnuna kollha lin-nisa li jinsabu f’diffikultà waqt it-tqala

Il-Ħadd, 30 ta’ Mejju 2021: Omelija tas-Solennità tat-Trinita’ Qaddisa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna tal-Mirakli, Ħal Lija.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-isem huwa xi ħaġa tassew għażiża. Il-ġenituri, huma u jippreparaw biex ikolhom tarbija, jagħtu ftit ħsieb ukoll dwar x’se jsemmu lit-tarbija. Illum Ġesù jgħidilna x’jismu Alla. Meta lid-dixxipli jibgħathom jagħmlu dixxipli oħra u jgħammduhom, jgħidilhom: “Għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). F’isem Alla! L-isem li jagħtina ta’ Alla huwa l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt aħna nitgħallmu miċ-ċokon nagħmlu kollox fl-isem ta’ Alla: fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Waħda mill-affarjiet li tolqotni fir-rit taż-żwieġ huwa meta l-għarajjes Kattoliċi jagħtu ċ-ċrieket lil xulxin u jgħidu din l-espressjoni sabiħa: “Ħu dan iċ-ċurkett bħala sinjal tal-imħabba u tal-fedeltà tiegħi lejk. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Il-ġenituri, meta jbierku ’l uliedhom, iberkuhom f’dan l-isem għażiż. Il-barka li l-Knisja tuża fuq il-persuni, fuq ir-relazzjonijiet, u fuq dak kollu li nużaw għall-ġid, huwa dejjem fl-isem ta’ Alla, wieħed fi tliet persuni.

San Ġwann l-Evanġelista jiġbor l-isem ta’ Alla f’kelma waħda: imħabba (ara 1Ġw 4:8). Illum, aħna u nfakkru Alla wieħed fi tliet persuni (il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu) nadurawh bħala Alla mħabba. Jekk se nagħmlu xi ħaġa f’ismu, trid tkun immarkata fl-imħabba. Kemm-il darba smajna ’l Papa Franġisku jgħid: “Kif jista’ jkun tuża l-isem ta’ Alla biex toqtol, biex tagħmel inġustizzja, biex tippersegwita ’l xi ħadd, biex tgħajjar lil xi ħadd? Alla huwa mħabba”. Allura, dak kollu li nagħmel f’ismu jrid jixbah lill-isem qaddis tiegħu.

M’hemmx Missier mingħajr ulied, m’hemmx Iben mingħajr Missier u l-Ispirtu s-Santu huwa l-imħabba li biha l-Missier u l-Iben iħobbu lil xulxin minn dejjem. Għax Alla mħabba, huwa relazzjoni, misteru kbir li ma nifhmuhx. Naħseb l-ebda saċerdot, isqof jew papa mhu se jippretendi jfiehem dan il-misteru kbir ta’ mħabba f’erba’ kelmiet. Aħna llum nieqfu u naduraw. It-talba sabiħa li llum smajna wkoll fil-versett tal-Hallelujah tkun fuq fommna u ta’ spiss: Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu.

Fil-bidu semmejt wieħed mid-dnubiet li sfortunatament għadu magħna: dik li aħna nużaw ilsienna maħluq minn Alla biex inkasbruh. Kultant jiġrilna hekk bla ma nindunaw frott ir-rabja, il-vizzju, u l-frustrazzjoni. Imma nifhmu li jkollna nieqfu ftit x’qegħdin nagħmlu? Illum allura noffru wkoll din il-ġurnata bħala tpattija ta’ kemm-il darba l-isem qaddis ta’ Alla nsemmuh fil-batal. U meta naħsbu dwar dan ejjew ngħidu dik it-talba: Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. Alla mħabba għandu qawwa kbira ta’ paternità; huwa l-Missier imma permezz tal-Ispirtu s-Santu wkoll iwelled, għandu qawwa ta’ maternità, inissel. Fil-fatt l-Ispirtu s-Santu huwa sid il-ħajja, il-Mulej hu sid il-ħajja.

Aħna llum qed intemmu x-xahar ta’ Mejju minn das-santwarju ddedikat lill-Madonna tal-Mirakli ġewwa Ħal Lija. Nieħu l-opportunità nsellem lill-Kappillan ta’ Ħal Lija, il-Kanonku Joseph Cilia u xtaqt li aħna u nitolbu lil Alla li jnissel fina x-xrara mill-imħabba tiegħu, niftakru ħafna fin-nisa u fit-tfajliet tagħna b’mod speċjali f’dawk in-nisa li qegħdin f’xi diffikultà minħabba xi tqala, li għandhom dilemma x’se jagħmlu.

Dan l-aħħar ġimgħat, propju fix-xahar ta’ Mejju, smajna ħafna diskors dwar il-bidu tal-ħajja, dwar id-dinjità tal-mara. Nixtieq nagħmel appell lin-nisa li jinsabu bejn ħalltejn x’se jagħmlu bihom infushom, bil-wild tagħhom ġewwa l-ġuf, biex jitolbu l-għajnuna għaliex ma jistax ikun li nħallu weħidha mara f’diffikultà. Allura nixtieq nagħmel l-appell li min għandu bżonn l-għajnuna biex ifittixha. Iċempel lil Life Line Malta fuq 20330023 jew iżur il-website lifelinemalta.eu. 

Bħala komunità Nisranija … irridu nkunu qrib min hu f’diffikultà għaliex inkella l-kelma tagħna favur il-ħajja tkun fqira u vojta.

Aħna l-Insara, il-Knisja f’Malta ma tistax tipprietka favur il-ħajja u tinsa lin-nisa f’diffikultà. U għalhekk nixtieq nagħmel dan l-appell minn dan is-santwarju tal-maternità tal-Madonna. Meta Marija rċeviet il-proposta tal-anġlu biex issir omm Alla, kellha xi diffikultà. Ġużeppi wkoll kellu diffikultà, u mhux waħda jew tnejn. Huma u jwasslu din it-tqala tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, iltaqgħu ma’ diversi diffikultajiet u wara li twieled, l-inkwiet żdid u mhux naqas. Il-bidu ta’ kull ħajja jaf ikun ftit ikkumplikat. Bħala komunità Nisranija f’isem Alla l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, f’isem Alla Sid il-ħajja, irridu nkunu qrib min hu f’diffikultà għaliex inkella l-kelma tagħna favur il-ħajja tkun fqira u vojta.

Is-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, li huwa mħabba, hija li nuru għożża għal xulxin u fiċ-ċirkustanzi attwali ejjew naħsbu fin-nisa li jinsabu f’diffikultà u nagħtuhom l-għajnuna kollha li għandhom bżonn.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dewt 4:32-34,39-40
Salm: 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22
Qari II: Rum 8:14-17
Evanġelju: Mt 28:16-20

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply