Kelma ta’ faraġ tgħallmek titla’ it-taraġ!

Print Friendly, PDF & Email

Issa li, għall-grazzja tal-Mulej, ingħatalna l-permess li jista’ jitqaddes il-quddies, tistgħu taħsbu x’aħbar sabiħa ħadna aħna taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo! Kemm immisjajnieha l-quddiesa! Tafu kemm din it-talba tat-talbiet tfarraġna! Lilna, il-pazjenti u magħna, il-familjari tagħna u aħna l-membri tal-istaff!

Niftakar f’waħda mill-ewlenin quddies li qaddist f’dan iċ-Ċentru, eżattament wara l-ftuħ mill-ġdid għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddies. Niftakarni qiegħed ħdejn numru limitatissmu ta’ persuni, ilkoll imbiegħda minn xulxin u b’xi familjari ħdejhom. U ġie l-Patri! Ħa jqaddes! Bħalma soltu jagħmel fil-jiem assenjati lilu mill-Mulej permezz tas-superjuri tiegħu fl-Isptar.

U dħalt. Sellimt lil kulħadd. Ġejt mill-ewwel milqugħ mid-disponibbiltà u t-tjubija tal-qalb tal-istaff. U wara, tajt titwila lil pazjenti li, ħdejhom, kellhom lil dik il-persuna wisq għażiża għalihom. Għall-erwieħ Patri! pront pront laqagħni wieħed mill-pazjenti. Fl-aħħar! Kemm ilna nistennewh dan il-mument!

Għal dawn il-kelmiet anki jien qabżittli demgħa! U x’ma taqbiżlekx ħbieb! U trid tkun fiż-żarbun tagħhom dawn in-nies biex forsi tibda’ il-proċess li, abbli, tifhimhom xi ftit. Faċli għalija ma nemminx li ma nikkalkulax din ir-rejazzjoni. Imma, u fil-verità, din lanqas m’hi kwistjoni li ma nemminx. Għax hawn min ma jemminx imma hu sensittiv u sensittiva issemmix għall-bżonnijiet spiritwali ta’ ħaddieħor! Mela l-kwistjoni hi ferm aktar serja minnhekk. Din hi kwistjoni jekk inix bniedem jew le! Jekk għandix ġewwa fija qalb li tħoss ta’ bniedem li jrid jfarraġ lil ħuħ jew le. Għax hu bniedem bħalu!

Bdejna l-quddiesa. Mill-ewwel ħassejt li l-atmosfera hi emozzjonali ħafna. Bilfors! Jekk għal ħafna Maltin u Għawdxin, il-quddiesa hi KOLLOX! U, mingħajrha ma jirraġunawx sewwa! L-Ewkaristija hi ħajjitna stessa! Biha ngħixu u fuqha nfasslu mġibitna. It-tweġibiet tagħhom fil-quddiesa tabilħaqq laqtgħuni. Ma kienux le t-tweġibiet tas-soltu ta “għax aħna mdorrija nagħmlu hekk!” Minflok, kienu tweġibiet ġejjin minn qlub li ġew imċaħda minn din it-talba daqshekk personali u intima. It-talba u s-sagrifiċċju għażiż tal-quddiesa mqaddsa!

U tafu minn xiex indunajt li din il-quddiesa, li konna qed niċċelebraw f’dak il-waqt, kienet tabilħaqq speċjali? Mill-waqt tal-paċi! Kemm il-paċi ngħatat b’mod sabiħ, personali u mill-qalb! Xi ġmiel tara rappreżentanti ta’ tlett familji juru tant affett lejn xulxin! Il-quddiesa issuktat bit-tqarbin, bil-barka u, kif temmejna l-Ewkaristija, bit-talba sabiħa u qawwija tal-Kurunella tal-Ħniena Divina.

X’rigal kbir tana l-Mulej illum! qaltli mara bid-dmugħ nieżel minn għajnejha. U jien, meta rajt dawk ix-xeni kollha mħabba u kliem li tabilħaqq imiss il-qalb iseħħu quddiemi, minn fommi l-Mulej ħareġ it-taqbila: Kelma ta’ faraġ tgħallmek titla’ t-taraġ!

Hijiex din il-quddiesa?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: