Dun Karm ta’ Kemmuna

Nies sempliċi u ta’ mħabba kbira tassew li jġibu differenza kbira kulfejn ikunu. Dan l-għaliex iġibu magħhom dik l-imħabba vera madwarhom. Jiġifieri dik l-imħabba li illum tant u tant hawn bżonnha fil-familji, fis-soċjetà, fil-Knisja u fil-kunventi, u, tista’ tgħid, f’kull post fejn jiltaqgħu l-bnedmin.

Dun Karm Xerri, bin Wenzu u Angela nee’ Scicluna u li jiġi ħu Mons. Lawrenz Xerri, twieled il-Furjana Malta nhar it-2 ta’ Novembru 1934. Għadda l-ewwel snin tat-tfulija tiegħu f’Ħal Tarxien u imbagħad f’Raħal Ġdid, f’Malta. Huwa daħal is-Seminarju ta’ Għawdex fl-1947 u ġie ordnat saċerdot nhar it-18 ta’ Marzu 1961, kważi sittin sena ilu mill-Isqof Ġużeppi Pace.

Kien nhar il-5 ta’ Mejju tal-1961 meta Dun Karm iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu. Fil-fatt, hu beda l-ħidma saċerdotali tiegħu bħala Vigarju Parrokjali tal-Qala sewwa sew mill-1961 sal-1963. Minbarra l-ħidma pastorali tiegħu f’Kemmuna Dun Karm ta’ servizz ta’ quddies fil-quddiesa tal-ewwel tal-5.00 am fil-parroċċa, kif ukoll dik tas-6.30 am ġewwa Għajnsielem, fis-Santwarju tal-Kunċizzjoni u fil-Kappella tal-Madonna tal-Blat. Fl-1980 Dun Karm ġie mogħti l-uffiċċju ta’ Assistent Ekkeleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika fil-Qala.

F’Jannar tal-1963 Dun Karm inħatar Rettur jew aħjar ‘Kappillan’ ta’ Kemmuna. Hu dam jagħti s-servizz tiegħu sat-8 ta’ Ġunju 2017. Jiġifieri, qatta’ mal-54 sena bħala kappillan. Sa minn Marzu tal-2017 kien irtira fid-dar fejn kien joqgħod fil-Qala. Ta’ min isemmi li minbarra l-ħidma tiegħu ta’ kappillan, bejn l-1963 u l-1969 Dun Karm kien ukoll Surmast tal-Iskola Primarja ta’ Kemmuna u għalhekk kien joqgħod hemmhekk. Dakinnhar il-popolazzjoni ta’ Kemmuna kienet tgħodd madwar il-mitt persuna. Wara beda jmur Kemmuna s-Sibt filgħodu sabiex iqaddes għan-nies residenti tal-post, għall-istaff tal-lukandi u għat-turisti. Kien jirritorna lejn Għawdex il-Ħadd filgħodu. Fil-bidu kien imur bid-dgħajsa tiegħu stess imbagħad beda’ jmur bil-lanċa ta’ Kemmuna. Dejjem mar iqaddes anki meta kien ikun maltemp qawwi.

Hu bir-raġun kollu li Dun Karm hu meqjus bħala ‘l-Anġlu ta’ Kemmuna’. Ara taħsbu li hu faċli għal saċerdot li, biex iseħħlu jaqdi l-missjoni tiegħu ta’ kappillan, ikollu jaqbad dgħajsa u jaqsam il-fliegu ta’ bejn Għawdex u Kemmuna. Ta’ min jgħid ukoll li Dun Karm mhux biss kien jieħu ħsieb spiritwalment tal-komunità ta’ Kemmuna, fejn kien iqaddes żewġ quddisiet, waħda s-Sibt filgħaxija u l-oħra l-Ħadd filgħodu, joffri l-qrar lir-residenti u lill-ħaddiema, jieħu ħsieb it-tiġijiet u ż-żjajjar li jsiru fil-Kappella, imma kien ukoll jipprovdi dak li hu neċessarju materjalment bħal ikel, qadjiet u mediċina lill-komunità.

Ta’ kull sena ukoll Dun Karm kien jieħu ħsieb jorganizza l-festa ta’ Kemmuna, eżattament ġimgħa qabel il-festa tal-Qala. Diversi drabi l-Isqof Mikiel Gonzi, l-Isqof Ġużeppi Pace, l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi u l-Isqof Mario Grech mexxew il-Pontifikal ta’ din il-festa u kif ukoll amministraw is-Sagrament tal-Ewwel Tqarbina u tal-Konfirmazzjoni lil diversi tfal ta’ Kemmuna. Dun Karm kien jieħu ħsieb biex wara jkun hemm festin mill-aqwa u ħarqa tan-nar tal-ajru.

Li saċerdot jagħlaq kważi sittin sena mis-saċerdozju tiegħu hija grazzja kbira ħafna. Li saċerdot jagħmel iktar minn ħamsin sena rettur jew kappillan ta’ komunità hija grazzja straordinarja. Għalhekk, Dun Karm Xerri jixraqlu dan l-apprezzament bħala “Il-Missjunarju ta’ Kemmuna”. Huwa miet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex nhar it-3 ta’ Jannar 2021, nhar il-Festa tal-Epifanija u kif ukoll tal-Isem Imqaddes tal-Mulej. Il-funeral tiegħu sar fis-Santwarju Arċipretali tal-Qala mmexxi mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma nhar it-Tlieta 5 ta’ Jannar 2021.

Il-ħajja sempliċi u qaddisa ta’ Dun Karm Xerri tfakkarni f’riflessjoni mill-isbaħ li kien għamel Papa Franġisku meta kien qed jagħmel il-viżta pastorali tiegħu lill-Arċidjoċeżi ta’ Genova, nhar is-27 ta’ Mejju 2017. Waqt li kien f’laqgħa mal-Isqfijiet, il-kleru, is-seminaristi u l-persuni ikkonsagrati, il-kollaboraturi lajċi tal-Kurja u r-rappreżentanti ta’ konfessjonijiet oħra fil-kattidral ta’ San Lorenzo, ċertu Don Andrea Carcasole staqsa lil Papa Franġisku dwar kriterji li bihom is-saċerdot jista’ jgħix il-ħajja spiritwali tiegħu b’konvinzjoni akbar fil-ministeru tiegħu. U dan minkejja l-kumplessità tal-ħajja moderna u d-dmirijiet amministrattivi li għandu, li jqegħduh f’pożizzjoni ta’ ħajja mxerrda u maqsuma biċċiet.

 U wieħed mis-sinjali li ma nkunux mexjin fit-triq it-tajba hu meta s-saċerdot jitkellem wisq dwaru nnifsu, iżżejjed: dwar l-affarijiet li jagħmel, li jħobb jagħmel… ikun awtoreferenzjali.  Hu sinjal li dak ir-raġel mhux bniedem tal-laqgħa, aktar minn hekk huwa hu bniedem tal-mera, jieħu gost jara lilu nnifsu fil-mera, iħares lejh innifsu; għandu ħtieġa li jimla l-vojt ta’ qalbu billi jitkellem dwaru nnifsu.  Iżda l-qassis li jgħix ħajja ta’ laqgħa, mal-Mulej fit-talb u man-nies sa tmiem il-ġurnata, hu bniedem “imċarrat”.  San Luiġi Orione kien jgħid “bħal biċċa tal-art”.  U wieħed jista’ jgħid: “Imma Mulej, jien neħtieġ affarijiet oħra…”  Għajjien?  Ibqa’ għaddej.  Dik l-għeja hi qdusija, dejjem jekk tkun akkumpanjata mit-talb.  Min-naħa l-oħra tista’ tkun ukoll għeja ta’ awtoreferenzjalità.  Intom is-saċerdoti għandkom teżaminaw lilkom infuskom dwar dan: jien bniedem ta’ laqgħa? Jien bniedem tat-tabernaklu?  Jien bniedem tat-triq? Jien bniedem b’widnejn miftuħa?  Naf nisma’?  jew meta jibdew jgħiduli xi ħaġa, mill-ewwel inwieġeb: “iva, iva, l-afarijiet hekk huma…..”.  Lin-nies inħallihom jegħjuni?  Hekk kien Ġesù.  M’hemmx formuli.  Ġesù kien konxju għall-aħħar li ħajtu kienet għan-nies mhux għalih innifsu. Kien jingħata, jingħata: kien jingħata lin-nies, kien jingħata lill-Missier bit-talb.  U ħajtu għexha fid-dawl tal-missjoni: “Jien ġejt mibgħut mill-Missier biex ngħid dawn il-ħwejjeġ…”.

Grazzi Mulej tad-don sabiħ ta’ Dun Karm Xerri, l-Anġlu ta’ Kemmuna! Grazzi li sawwartu fil-bniedem tal-laqgħa, tat-tabernaklu, tat-triq, dejjem b’widnejh miftuħa għall-krib tal-poplu tiegħek. Grazzi li għentu jgħix għalik fil-poplu tiegħek u mhux għalih innifsu. Grazzi li għentu jingħata, jingħata, u jingħata lilek mal-Missier fit-talb. Grazzi Mulej li tajtu l-qawwa jgħix il-ħajja saċerdotali tiegħu fid-dawl tal-missjoni! Dakkar Mulej lis-saċerdoti u lill-persuni ikkonsagrati tiegħek mill-eżempju qaddis u fertili tiegħu! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap