L-Ordinazzjoni ta’ Gabriel Vella bħala Djaknu fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju 2021, fis-6.30pm, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, l-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex, se jmexxi l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ GABRIEL VELLA (mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala).

Minħabba ċ-ċirkustanzi attwali, din iċ-ċelebrazzjoni sa tkun limitata biss għal dawk li jirċievu stedina, u għalhekk il-pubbliku hu mħeġġeġ isegwiha minn fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex: www.youtube.com/dioceseofgozo u www.facebook.com/gozodiocese.

Bi tħejjija għall-Ordinazzjoni, se tinżamm ukoll Velja ta’ Talb nhar il-Ħamis 17 ta’ Ġunju, fit-8.00pm, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġużepp, il-Qala.

Imbagħad, mill-10.00pm tal-Ħamis sas-7.00am tal-Ġimgħa, il-Kappella tas-Seminarju tal- Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria, tkun miftuħa għal lejl adorazzjoni b’talb għall-ordinand.

Gabriel Vella, mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala, Għawdex, twieled fis-6 ta’ Marzu 1996.

Irċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja Anton Buttigieg tal-Qala u wara kompla l-istudji fl-Iskola Sekondarja Ninu Cremona, il-Belt Victoria.

Wara sentejn fis-6th Form, Sir Michelangelo Refalo, f’Mejju 2014 talab biex jidħol is-Seminarju. Wara li ġie aċċettat, hu għamel is-Sena Propedewtika tiegħu fis-Seminarju.

Huwa beda l-kors ta’ formazzjoni għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù f’Settembru 2015. Is-sena intermedjarja għamilha f’Modena, l-Italja flimkien ma’ komunità ta’ presbiteri djoċesani u fil-Parroċċa tal-Papa San Ċelestinu I, Castelnuovo Rangone. Lura mis-sena intermedjarja, f’Settembru 2019 kompla l-kors tiegħu fis-Seminarju.

Irċieva l-ministeru ta’ Lettur minn idejn l-Isqof Mario Grech, dakinhar Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fis-26 ta’ Jannar 2020, fil-Knisja arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat. Fit-8 ta’ Diċembru 2020, Solennità tal-Immakulata Kunċzzjoni, ġie istitwit bħala Akkolitu fis-Santwarju arċipretali tal-Qala. Fl-20 ta’ Mejju 2021 ġie ammess bħala kandidat għall-Ordni Sagri fil-Katidral ta’ Għawdex.

Tul il-formazzjoni tiegħu, Gabriel għamel esperjenzi pastorali fil-Parroċċi tal-Katidral, iż-Żebbuġ, u preżentement Għajnsielem.

Leave a Reply