VISIA LILL- KULLEĠĠ MISSJUNARJU PONTIFIĊJU INTERNAZZJONALI
“SAN PAWL APPOSTLU”
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Kappella tal-Istitut
Is-Sibt, 24 ta’ Jannar 1981
Għeżież Saċerdoti!
1. Huwa għalija ferħ kbir li nistà llum niltaqà magħkom, f’dan il-Kulleġġ iddedikat lil San Pawl Appostlu, fejn għandkom l-għamara tagħkom, waqt li tiffrekwentaw l-Università tal- “Propaganda Fide”, biex tiżviluppaw u twettqu l-istudji filosofiċi u tejoloġiċi tagħkom u t-tħejjija pastorali tagħkom. Fiż-żjajjar li qiegħed inwettaq fid-diversi Istituti u Atenej tal-Belt ta’ Ruma, ma stajtx u ma kellix naqbeż, fiċ-ċirkostanza hekk singolari tal-festa tal-Kulleġġ, din il-laqgħa magħkom, li tiġu minn kull parti tad-dinja u li ġġibu hawn, fiċ-ċentru tal-Kristjanità, il-karatteristiċi u l-ansjetajiet tal-popli u tal-kulturi tagħkom.
Ilqgħu għalhekk it-tislima kordjali u ta’ mħabba tiegħi, li tmur qabel kollox lill-Kardinal Prefett u lis-Segretarju tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli, lis-Superjuri u lir-Responsabbli tal-Kulleġġ, u tinfirex imbagħad fuq kull wieħed minnkom personalment. Waqt li tinkludi wkoll lil dawk kollha li jikkollaboraw fid-diversi dmirijiet għall-andament tajjeb tad-dar u tsal-ħajja flimkien. Din hija tislima li trid tesprimi pjaċir u apprezzament għar-rieda tajba li turu fl-impenn tagħkom ta’ studju u ta’ aġġornament, għal ministeru iktar effikaċi addattat għall-esiġenzi tas-soċjetà, u għal għajnuna mdawla u konkreta għall-Komunitajiet ekkleżjali tan-nazzjonijiet u tad-dijoċesijiet tagħkom. U hija tislima wkoll li feħsieba turi r-rikonoxxenza tiegħi għall-fedeltà tagħkom lejn is-Sede Apostolika u għat-talb għall-persuna tiegħi u għall-missjoni universali.
2. Nixtieq iżda li l-laqgħa tallum madwar l-altar, waqt li niċċelebraw is-Sagrifiċċju ewkaristiku, isir għalikom ilkoll ukoll stimolu għal ħajja saċerdotali dejjem iktar qaddisa u impenn dejjem iktar responsabbli fl-istudji u fl-ideali tagħkom. U propju il-qari tal-liturġija jadatta ruħu għal xi riflessjonijiet ta’ mportanza notevoli għal tali skop.
Fl-ewwel qari smajna dak li l-Mulej jgħid permezz tal-profeta Iżaija: “Bħal max-xita u l-borra jinżlu mis-sema u ma jerġgħux lura bla ma jsaqqu l-art, bla ma jkunu ffertilizzawha u ġegħluha tnibbet, sabiex tagħti ż-żerriegħa liż-żerriegħ u l-ħobż biex jittiekel, hekk se tkun il-kelma li toħroġ mill-fomm: ma terġax lura mingħajr effett, mingħajr ma tkun operat dak li nixtieq u mingħajr ma tkun wettqet dak li għalih inkun bgħattha” (Iż 55,10-11). Dawn huma espressjonijiet magħrufa, li ġegħlu jirriflettu lis-Santi Padri u lid-Dutturi tal-Knisja, il-qaddisin, u l-mistiċi tal-epoki kollha u li jimpressjonaw ukoll f’ruħna, għaliex jiddikjaraw il-qawwa assoluta u l-effett tar-Rivelazzjoni ta’ Alla; ebda ostaklu jew rifjut uman ma jistà jwaqqafha jew jitfiha. Aħna nafu li l-“Kelma ta’ Alla”, fil-milja taż-żminijiet, saret bniedem: “Fil-bidu kien il-Verb u il-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla…U l-Verb sar bniedem u ġie jgħammar f’nofsna” (Ġw 1,1.14) u baqgħet preżenti fl-istorja umana permezz tal-Knisja: “Hekk hu, jiena magħkom il-jiem kollha, sa l-aħħar tad-dinja” (Mt 28,20). Il-“Kelma ta’ Alla” hija dejjem effettiva, għaliex qabel kollox tiċċalinġja r-raġuni umana: il-filosofiji sempliċement razzjonali u temporali. L-interpretazzjonijiet umanistiċi u storiċistiċi biss, jitħawdu mill-“Kelma ta’ Alla”, li twieġeb b’ċertezza u ċarezza suprema għall-interrogattivi magħmula lill-qalb tal-bniedem, u tilluminah dwar id-destin veru tiegħu, soprannaturali u etern, u tindikalu l-kondotta morali li għandu jipprattika, Bħala triq awtentika ta’ serenità u ta’ tama. Mhux biss: il-“Kelma ta’ Alla” tagħti “dawl” u “triq”, issir ħajja ta’ grazzja, sehem fl-istess ħajja divina, inseriment fid-dinamiżmu misterjuż imma reali tar-redenzjoni tal-umanità. Infatti Ġesù jiddefinixxi ruħu “dawl tad-dinja”: “Jiena ġejt bħala dawl, sabiex kull min jemmen fija, ma jibqax fid-dlamijiet” (Ġw 12,46) u ħajja tal-erwieħ.
Imqawwija b’din iċ-ċertezza li tiġi minn Alla. Hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ tal-Kelma tiegħuà! Ebda biżà mill-verità: il-“Kelma ta’ Alla” hija dejjem effettiva, mhijiex inattiva, qatt mhi mirbuħa, qatt ma terġà lura għand Alla umiljata u deluża! U allura, ngħidilkom ma’ San Pawl: “Ġibu ruħkom ta’ wlied id-dawl” (Ef 5,8). Bla dubju, il-“Kelma ta’ Alla” hija xokkanti għaliex, jgħid il-Mulej: “Ħsibijieti mhumiex ħsibijietkom, triqatkom mhumiex triqati” (Iż 55,8); tikkonfondi, għaliex hija esiġenti u msinna bħal xabla li taqta minn żewġ naħat, hija bbażata mhux fuq diskorsi perswassivi ta’ għerf uman, imma fuq il-manifestazzjoni tal-Ispirtu u tal-qawwa tiegħu (cf.1Kor 2,4-5). “Tqarrqux bikom infuskom – kien kiteb San Pawl lill-Korintin – . Jekk xiħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref; għax il-għerf ta’din id-dinja huwa bluha quddiem Alla… Għalhekk ħadd m’għandu jiftaħar bil-bnedmin!” (1 Kor 3,18-19.21). Infatti hemm għerf falz li jistà jittanta jqarraq, billi jħawwad u jġiegħel isiru prużuntużi. Waqt li jikkummenta d-dikjarazzjoni: “Nagħtu lil Alla kult li jixraqlu, b’riverenza u biżà, għaliex Alla tagħna huwa nar li jiddivora” (Lh 12,28-29), il-Kardinal Newman, segwitur ta’ San Pawl, kien qal hekk: “Il-biżà ta’ Alla huwa il-bidu tal-għerf; sakemm ma tarax lil Alla bħala nar konsumatur, u ma tersaqx lejh b’reverenza u b’biżà mqaddes, minħabba li aħna midinbin, ma nistgħu linqas ngħidu li qeġhdin naraw il-bieb id-dejjaq… Il-biżà u l-imħabba għandhom imorru flimkien; komplu ibżgħu, komplu ħobbu sal-aħħar jum ta’ ħajjitkom. Dan huwa ċert; għandkom iżda tkunu tafu xi trid tgħid tiżra hemm isfel fid-dmugħ jekk tridu taħsdu fil-ferħ fid-dinja l-oħra” (Kard. Newman, Parochial and Plain Sermons, Vol. I, Serm. XXIV; cf. J. H. Newman, La mente e il cuore di un grande, Bari 1962, p. 230).
3. Fit-tieni qari, l-episodju ċelebri tal-konverżjoni ta’ San Pawl, irrakkuntat minnu stress lil-Lhud ta’ Ġerusalem, huw ugwalment mimli tagħlim għal ħajjitkom saċerdotali. Fit-triq ta’ Damasku, imwaqqà fit-trab, San Pawl jiġi mogħmi mid-dawl jgħammex ta’ dak Ġesù li hu kien qiegħed jippersegwita fl-insara; issegwi l-konverżjoni tiegħu immedjata u deċiża, evidenti opra mirakoluża tal-grazzja ta’ Alla, għaliex Pawlu kellu jkun l-ewwel interpretu awtorevoli tal-messaġġ ta’ Kristu, ispirat b’mod divin. L-Imgħallem Divin jordnalu jqum u biex ikompli miexi: u minn dak il-waqt, wieħed jistà jgħid, San Pawl isir l-imgħallem u l-gwida tagħna fl-għarfien u fl-imħabba lejn Kristu.
Imma fuq kollox għandna ninteressaw ruħna u nimmeditaw il-kliem ta’ Ananija l-ġust: “Alla ta’ missirijietna ippredestinak biex tagħraf ir-rieda tiegħu, biex tara l-Ġust u biex tismà l-kelma minn fommu stess, sabiex tkunlu xhud quddiem il-bnedmin kollha tal-ħwejjeġ li rajt u smajt” (At 22,14-15). Dan il-kliem nistgħu napplikawh ukoll għal kull saċerdot, ministru ta’ Kristu. Intom ukoll kontu magħżula, anzi ppredestinati mill-Iktar Għoli biex tagħrfu l-“Kelma ta’ Alla”, biex tiltaqgħu ma’ Kristu, biex tieħdu sehem fl-istess poteri divini tiegħu, biex ixxandruh u tixhduh quddiem il-bnedmin kollha. Bħal ma Pawlu, ikkonvertit għall-verità, inxteħet b’żelu mħeġġeġ fil-missjoni tiegħu ta’ Appostlu u ta’ xhud, u ebda diffikultà ma rnexxielha twaqqfu iktar, hekk agħmlu intom ukoll. Id-dinja għandha bżonn erwieħ żelanti u mħeġġin, umli fl-imġieba, imma sodi fid-duttrina; ġenerużi fil-karità, imma sikuri fix-xandir, sereni u kuraġġużi bħal Pawlu, li f’nofs id-diffikultajiet u l-kuntrasti ta’ kull tip, kien imfawwar bil-ferħ f’kull inkwiet li kien ikollu, għaliex għalih li jgħix kien Kristu u l-mewt kienet gwadan (cf. 2Kor 7,4; Fil 1,21).
L-Evanġelista San Mark jirreferi l-aħħar kliem ta’ Ġesù, kategoriku u imperattiv: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura, Min jemmen u jitgħammed, isalva, imma min ma jemminx ikun ikkundannat” (Mk 16,15-16). Dan ifisser li hija rieda pożittiva ta’ Alla li l-messaġġ evanġeliku jkun imħabbar lid-dinja kollha u li kulħadd jemmen il-“Kelma ta’ Alla”. Li tkunu saċerdoti hija bla ebda dubju dinjità mmensa u eċċellenti; imma hija wkoll responsabiltà. Kunu dejjem konxji tal-kobor tagħkom u denji tal-fiduċja li Alla qiegħed fikom!
L-iktar Għeżież, jalla tilluminakom fl-istudji tagħkom u ssabbarkom fl-intenzjonijiet tagħkom Marija Santissma, li f’dawn il-jiem nitolbu bħala “Omm l-Għaqda tal-Knisja” u li dejjem insejħulha “Tronn tal-Għerf”, “Bidu tal-Ferħ Tagħna”.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb