Il-bżonn li nitgħallmu nistennew liż-żerriegħa tikber

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 13 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-11-il Ħadd matul is-sena mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella ta’ Santa Ubaldeska, Raħal Ġdid.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

San Mark jipprova jispjegalna għaliex Ġesù, meta kien jitkellem, juża t-tixbihat, il-parabboli. Hu jgħid li kien jagħmel hekk biex ikunu jistgħu jifhmuh. L-eżempji li Ġesù juża waqt li qiegħed jitkellem mal-bdiewa ġejjin proprju minn dik id-dinja: taż-żera’ tal-ħsad. Kemm-il-darba jitkellem fuq in-nagħaġ, fuq is-siġar, u fuq l-ambjent ta’ madwarna. L-għajn ta’ Ġesù kienet tosserva ħafna u hekk jagħmel illum biex jagħtina żewġ lezzjonijiet importanti ħafna.

Fl-ewwel tixbieha Ġesù jitkellem dwar dan il-proċess meraviljuż. Illum ix-xjenza kapaċi tispjegalna x’jiġri imma xorta jibqa’ proċess meraviljuż, anzi iżjed ma tifhem il-proċess ta’ kif minn żerriegħa tasal biex ikollok il-ħsad, iżjed timmeravilja ruħek b’dak kollu li l-Mulej poġġa fil-ħolqien. Ġesù jispjega l-proċess: iż-żera’, malli tinbet imbagħad il-barma, imbagħad is-sbula u l-qamħ mill-isbula, imbagħad il-ħsad (ara Mk 4:18). Donnu qed jgħidilna li fil-ħajja trid tagħti ċans.

Jien qed naħseb, pereżempju, fil-ġenituri li qed jaraw lil uliedhom jikbru. Agħtuhom ftit ċans! Aħna ma tgħallimniex kollox f’ġurnata u lanqas f’daqqa. Min hu fil-qasam tat-tagħlim u f’kull ħaġa oħra, jaf li fil-ħajja trid titgħallem ukoll tistenna, li hemm il-proċess, hemm l-istaġun għal kollox. Kultant tiżra’ żerriegħa mhux fl-istaġun tagħha; jekk tkun lucky u tibqa’ hemm u ma jkunx kielha xi nemlu, meta jiġi ż-żmien tagħha, tinbet. U hekk ukoll inti. Din tiddependi mix-xita, taf li r-riħ kif jgħidu: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa. Għax kull proċess għandu l-perikli tiegħu wkoll, għandu l-qtigħ il-qalb. Biex tasal għall-ħsad u l-ferħ tal-ħsad mhux biss trid tistenna, trid tirriskja, trid tafda. Ġesù llum hekk jgħidilna li hemm affarijiet li ma tistax tikkontrollahom. Hekk anke fit-trobbija tal-ulied. Kultant niltaqa’ ma’ ġenituri li jgħiduli li t-tifel m’għadux imur il-quddiesa. Stenna. Inti poġġejt iż-żerriegħa tal-eżempju tajjeb, tal-kelma tajba, issa mhux iż-żmien li tinbet, issa stenna ftit. Ma ninsewx ukoll li l-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

Imma Ġesù meta jqabbel dan il-proċess miż-żerriegħa għall-ħsad, qed jgħidilna biex nagħmlu kuraġġ, ma naqtgħux qalbna u nitgħallmu nieħdu l-affarijiet bil-kalma, mingħajr ħafna paniku u ma nippretendux riżultat immedjat. U dan ma jgħoddx biss għat-trobbija u l-edukazzjoni tal-ulied, imma jgħodd ukoll fir-relazzjonijiet, fl-imħabba, għax dak li jkun irid jitgħallem jistenna.

It-tieni parabbola tal-lum ta’ Ġesù titkellem fuq il-bidu ċkejken. Wara kollox, jerġa’ jirreferi għaż-żerriegħa. Did-darba mhux qed jitkellem fuq il-proċess imma fuq il-fatt li m’għandekx taqta’ qalbek għax il-bidu huwa ċkejken. Inti għamilt dak li stajt, għamilt att ta’ karità ċkejken, umbagħad ħallih f’idejn Alla li jaf ikabbru hu. Is-saltna ta’ Alla hija bħal dik iż-żerriegħa tal-mustarda; Ġesù jinsisti li hija l-iżgħar fost iż-żrieragħ imma tikber il-Mulej ikabbarha wkoll (ara Mk 4:31-32).

Mela tgħidx: ‘U jiena l-għajnuna li se nagħti se tagħmel differenza? Jekk insellem jien minflok isellmuli, se nagħmel  differenza? Mhux miġġeldin se nibqgħu?’ Is-saltna ta’ Alla tgħallmek li anke ġest ċkejken jaf ikollu riżultat mhux mistenni. Allura tibżax tagħmel il-pass, tibżax tirriskja bidu ċkejken. Wara kollox, f’dawn l-inħawi l-Kavallieri bnew knisja ħelwa ċkejna imma Raħal Ġdid illum għandu knisja ħafna ikbar, l-ikbar waħda li hawn fid-djoċesi. Il-bidu ċkejken ta’ kull komunità jew ta’ kull familja, kull bidu ċkejken m’għandux ibeżżagħna. Il-Mulej jaf isaqqi u jkabbar hu.

Illum f’din il-knisja ddedikata lill-infermiera qaddisa Santa Ubaldeska rridu nsellmu lil min jaħdem fis-skiet. Anke dik hija żerriegħa ċkejkna tat-tajjeb. Mhux bilfors inkunu nafu ismu jew isimha imma għamlu d-dover tagħhom. Qed nitkellem fuq il-frontliners. It-tajjeb li nagħmlu veru kultant jiġi bi prezz għoli, imma jħalli l-frott tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 17:22-24
Salm: 91(92):2-3,13-14,15-16
Qari II: 2 Kor 5:6-10
Evanġelju: Mk 4:26-34

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply