Lezzjoni II: Santa Maria Goretti

6 ta’ Lulju SANTA MARIA GORETTI, VERĠNI U MARTRI

TIFKIRA

Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890, minn familja fqira. Għaddiet tfulitha fl-għaks ħdejn Nettuno tgħin lil ommha d-dar; kellha ġibda kbira għat-tjieba u kienet titlob ħafna. Fl-1902 sfat vittma ta’ attentat ta’ stupru u sofriet ġrieħi li wassluha għall-mewt biex tħares is-safa tagħha. Ftit qabel mietet ħafret lil min qatilha bid-daqqiet ta’ sikkina. Iż-żagħżugħ intbagħat il-ħabs fejn għadda minn konverżjoni tal-qalb u sar fratell kapuċċin. Kien preżenti għall-kanonizazzjoni ta’ Santa Marija Goretti fl-1950.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Omilija tal-Papa Piju Tnax fil-kanonizzazzjoni ta’ Santa Marija Goretti

Ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi

Kulħadd jaf minn liema taqbida ħarxa għaddiet Santa Marija Goretti, din ix-xebba żagħżugħa li ma kellha lil ħadd li jaqbeż għaliha: ħabta u sabta qamet kontrieha tempesta qalila u tal-biża’, tehdida liema bħalha għas-safa ta’ xbubitha. Waqt din it-taqbida bir-raġun kollu setgħet tgħid lis-Salvatur divin il-kliem li nsibu f’dak il-ktieb tad-deheb li hu “L-Imitazzjoni ta’ Kristu”: “Jekk inkun imġarrba u mhedda minn tentazzjonijiet kbar, ma nibżax mill-ħsara, għax il-grazzja tiegħek hi miegħi; din il-grazzja hi l-qawwa tiegħi, turini x’għandi nagħmel, u tgħinni, għaliex hi aqwa minn kull għadu ta’ ruħi’’. lr-rieda tagħha, bl-għajnuna tal-grazzja tas-sema, wasslitha biex, bil-ġenerożità kollha, tissagrifika ħajjitha biex iżżomm bla mittiefes il-ġieħ tas-safa ta’ ruħħa.

Fil-ħajja ta’ din ix-xebba umli u fqira, ħajja li ġbarna f’erba’ kelmiet, aħna nistgħu naraw mhux biss eżempju ta’ ħajja li tixraq lis-sema imma wkoll eżempju ta’ ħajja li jixirqilha l-ġieħ u t-tifħir kollu ta’ żminijietna.

Ħa jitgħallmu l-missirijiet u l-ommijiet kemm hu meħtieġ illum li jrabbu sewwa l-ulied li Alla jogħġbu jagħtihom, ħa jitqaddsu u jkunu sodi fir-rieda tagħhom, biex jgħixu skond il-preċetti tar-reliġjon kattolika, u biex, meta tjubithom tiġi f ’xi tiġrib kbir, ikollhom lgħajnuna tal-grazzja ta’ Alla ħa joħorġu rebbieħa u bi tjubithom sħiħa u mhux mittiefsa.

Ħa jitgħallmu t-tfal, huma u jgħixu l-ħajja ferrieħa tagħhom, ħa jitgħallmu ż-żgħażagħ, kollhom ħeġġa ħa jgħixu ħajjithom, biex ma jħallu ebda frugħa ssaħħarhom bil-ġibdiet tagħha u twaqqagħhom; ħa jitgħallmu jitħabtu biex jilħqu l-perfezzjoni fl-imġiba nisranija tagħhom, għalkemm dan se jkun għalihom xi ħaġa tassew iebsa- li titlob minnhom ħafna ċaħdiet u sagrifiċċji; iżda meta wieħed għandu rieda soda, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, bit-tħabrik u l-ħidma u t-talb tiegħu, jista’ jasal biex jikseb din il-perfezzjoni.

Aħna m’aħniex imsejħin ilkoll biex insofru l-martirju, imma lkoll imsejħin biex ngħixu ħajja tassew nisranija. Din il-ħajja, għalkemm ma titlobx minna dik il-qawwa tal-għaġeb li wriet Santa Marija Goretti, titlob minna qawwa fl-għemil kollu tagħna, tul ħajjitna kollha sal-mewt, qawwa li rridu nuruha kuljum, bla serħan, bil-ħeġġa kollha. Ħajja bħal din nistgħu wkoll insejħulha martirju, martirju fit-tul li ma jintemm qatt, martirju li għalih il-Mulej jistedinna, meta jgħidilna: Is-Saltna tasSmewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha.

Mela, bl-għajnuna tal-grazzja tas-sema, ejjew inħabirku lkoll kemm aħna biex ngħixu din il-ħajja: tħajjarna għaliha Santa Marija Goretti, verġni u martri, u mis-sema, fejn qiegħda tgawdi l-hena ta’ dejjem titlob għalina lkoll lis-Salvatur biex jagħtina l-grazzi kull wieħed skond ma jeħtieġ fil-ħajja li qed jgħix, ħalli bil-qalb, bil-ħeġġa u bil-qawwa kollha nimxu fuq l-eżempju tagħha.

RESPONSORJU

1.Kbir hu ġmielek, verġni ta’ Kristu! * Int stħaqqlek tieħu mingħand il-Mulej il-premju talli bqajt dejjem verġni.

2. Ħadd ma ċaħħdek mill-glorja ta ’ xbubitek, jew firdek mill-imħabba ta’ Bin Alla. * Int stħaqqlek tieħu mingħand il-Mulej il-premju talli bqajt dejjem verġni.

Talba

O Alla, għajn tal-innoċenza, ħabib tal-erwieħ safja, inti tajt il-grazzja tal-martirju lill-qaddejja tiegħek Marija Goretti meta kienet għadha fil-fjur ta’ ħajjitha: bħalma lilha żejjintha bil-kuruna tar-rebħa wara taqbida ħarxa, hekk ukoll, bit-talb tagħha, agħmel li aħna nibqgħu sħaħ fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek.

B’Ibnek.