Lezzjoni II: San Enriku II

13 ta’ Lulju SAN ENRIKU II

TIFKIRA

San Enriku twieled fil-Bavarja fis-sena 973; meta miet missieru, laħaq duka minfloku, u mbagħad ħatruh imperatur. Il-ħidma tiegħu dehret ħafna bħala mexxej ġust, difensur tal-Knisja, ħabib tal-foqra u xempju ta’ virtù. Waqqaf bosta djoċesijiet u ta għajnuna finanzjarja lil ħafna monasteri. Miet fl-1024. Ewġenju III kkanonizzah fl-1146.

Fl-Uffiċċju tal-qari

Lezzjoni II

Qari mill-ħajja ta’ San Enriku

Ħaseb għall-ġid, għallhena u għas-sliem tal-Knisja

Enriku, dan il-qaddej qaddis ta’ Alla, wara li ġie inkurunat sultan, deherlu li, fiċ-ċokon tagħha, ma kinetx biżżejjed għalih is-saltna tiegħu f’din id-dinja, u għalhekk għamel minnufih il-ħsieb li jibda jitqabad bla heda ħa jikseb is-saltna tas-sema, biex hekk ikun jista’ jikseb il-kuruna tal-ħajja bla tmiem, għaliex kien jaf li min jaqdi ’l Alla jsaltan għal dejjem. Wera ħeġġa liema bħalha biex ikabbar il-qima għar-reliġjon: kabbar ir-renti tal-knejjes u ħaseb biex iżid it-tagħmir tagħhom; fis-saltna tiegħu reġa’ waqqaf id-djoċesi ta’ Bamberg u riedha tkun iddedikata lill-Appostli San Pietru u San Pawl u lill-martri glorjuż San Ġorġ; rabatha b’rabta speċjali mal-Knisja ta’ Ruma, biex hekk lil din il-Knisja juriha ġieħ li ma bħalu, dak il-ġieħ li Alla stess irid li jingħatalha, u biex hekk isaħħaħ Il-fundazzjoni li hu għamel, għaliex tkun taħt il-ħarsien tal-Knisja ta’ Ruma.

Biex kulħadd jara sewwa kif dan il-qaddis ħaseb għall-ġid, għall-hena u għas-sliem tal-Knisja li waqqaf, matul iż-żminijiet kollha, inġibu din l-ittra li ġejja: “Enriku, sultan għall-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, lill-ulied kollha tal-Knisja, tal-lum u taż-żmien li għad irid jiġi.

Il-Kotba Mqaddsa, bit-tagħlim tagħhom għas-salvazzjoni tagħna, jgħidulna u jwissuna li għandna nħallu fil-ġenb il-ġid tad-dinja u nwarrbu ’l bogħod minna l-kumditajiet tal-art, biex niksbu ħajja għal dejjem u bla tmiem fis-sema. Il-ġid tad-dinja, kemm indumu ngawduh, hu fieragħ u jintemm malajr, sakemm ma naħsbux ukoll xi ftit fil-ħajja ta’ dejjem. Issa Alla fil-ħniena tiegħu sab mezz għal dan, għaliex għamel li l-bnedmin jistgħu jixtru bil-ġid tad-dinja sehem fis-saltna tas-sema.

Aħna għalhekk, aħna u niftakru f’din it-tjieba kollha ta’ Alla, u mingħajr ma ninsew li Alla fil-ħniena tiegħu minn rajh għolliena għad-dinjità u għall-ġieħ ta’ sultan, dehrilna li tkun ħaġa sewwa mhux biss li nkabbru l-knejjes li bnew is-slaten ta’ qabilna ,imma li nibnu aħna wkoll knejjes oħra għall-akbar glorja ta’ Alla, u nżejnuhom b’kull xorta ta’ tagħmir ħa nuru d-devozzjoni tagħna. Mela, biex ma nkunux torox għall-kmandamenti tal-Mulej u biex nilqgħu t-twissijiet tiegħu, aħna se naħsbu biex naħżnu l-ġid kollu li Alla, fil-kobor tiegħu għoġbu jagħtina, fis-sema fejn m’hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu u fejn xejn ma jitmermer la bil-kamla u l-anqas bis-sadid; dan qed nagħmluh għaliex kull darba li naħsbu kemm ġid ġbarna f’din id-dinja, ħsibijietna, bix-xewqa u bl-imħabba, dejjem jogħlew lejn is-sema.

Nixtiequ għalhekk li l-fidili kollha jkunu jafu li aħna se nwaqqfu l-kattedra ta’ isqof fil-post magħruf bl-isem ta’ Babenberg li aħna writna minn għand missierna, biex dan il-post ikollu l-ġieħ u d-dinjità fejn jgħammar l-isqof. Dan aħna qegħdin nagħmlu b’tifkira tagħna u tal-ġenituri tagħna, u fl-istess ħin biex f’dan il-post jibqa’ jsir għal dejjem is-sagrifiċċju tal-Vittma divina għal dawk kollha li jemmnu.

RESPONSORJU                                                        Għerf 10:11b-12a. 14ċ. 10a

1. Mulej imlieh bl-għana, u ħarsu mill-għedewwa tiegħu u mill-insib tagħhom: * U tah gieħ għal dejjem.

2. Il-Mulej mexxieh minn toroq dritti u wrieh is-saltna ta’ Alla. *U tah gieħ għal dejjem.

Talba

O Alla, int mexxejt lil San Enriku bil-grazzja qawwija tiegħek, u, b’mod tal-għaġeb, erfajtlu ħsibijietu għall-ħwejjeġ tas-sema fuq kull ħsieb ieħor tas-saltna tiegħu fuq l-art; bit-talb tiegħu, agħtina li, fost it-tibdil kollu ta’ din id-dinja, inħaffu lejk b’ruħ safja. B’Ibnek.