Riflessjoni dwar il-Qalb ta’ Ġesù

Il-festa tal-Qalb ta Ġesù għandha tkun ta’ okkażjoni biex nimmudellaw qalbna fuq dik ta’ Kristu.

1• Il-qalb ta’ Ġesù hija miftuħa għalina

Inġibu quddiem għajnejna lil Kristu msallab bejn żewġ ħallelin fuq il-Kalvarju. L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħidilna: “Mela l-Lhud , billi kien nhar it-tħejjija, biex ma jibqgħux l-iġsma fuq is-salib nhar is-Sibt, għax kien kbir dak il-jum tas-Sibt, talbu lil Pilatu  biex jitkissru saqajhom u jitneħħew” (19,31). Lil ħallelin kisrulhom saqajhom iżda lil Kristu, li kien diġà miet, ma għamlulux hekk. Suldat nifidlu ġenbu b’lanza u mill-kustat ta’ Kristu ħareġ demm u ilma. Il-lanza baqgħet dieħla sal-qalb ta’ Kristu.

San Ġwann jagħti lil din il-ġrajja importanza kbira. Żgur li f’moħħu kellu l-istorja ta’ Adam li mill-kustilja tiegħu ħarġet Eva u d-daħla li kellha l-arka ta’ Noè.  Jgħidlna: “U Min ra jagħti xhieda – u x-xhieda tiegħu hi minnha, u  hu jaf li qiegħed jgħid is-sewwa – biex temmnu intom ukoll” (18, 35). Ikompli jgħidlna li lil Kristu ma kissrulu l-ebda għadma biex jurina li huwa l-ħaruf tat-Testment il.-Ġdid. Jgħidilna wkoll li dan seħħ biex isseħħ il-kitba: “Iħarsu lejn dak li nifduh”(Ġw 18,37).

Kristu mqajjem mill-imwiet baqa’ jġorr fuqu l-marki tal-passjoni inkluża dik tal-kustat ta’ Kristu. Il-qaddisin iħeġġuna biex nidħlu f’dan il-kustat miftuħ tiegħu biex insibu rifuġju fil-bżonnijiet materjali u spiritwali.

Il-kustat u l-qalb ta’ Kristu huma miftuħa għal kulħadd. Niftakru li huwa miet għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u l-imħabba u l-ħniena tiegħu huma bla limiti. Din l-imħabba mhix limitata għall-bnedmin tajba iżda ukoll għal dawk li qabdu t-triq ħażina jew huma mbegħdin minnu. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù tfakkarna li għandna nitolbu għall-midinbin għax Alla jrid li kulħadd isalva.

Għalhekk jagħmel żball dak li jgħix ħajja ħażina jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla. Għandu jiftakar li Kristu tana sal-aħħar qatra ta’ demmu. Għandu jġib quddiem għajnejh id-demm ta’ Kristu jgħajjat maħfra u paċi filwat li jiftakar f’din is-sentenza mill-Vanġelu ta’ Kristu: “Ma jeħteġux it-tabib dawk li huma b’saħħithom, imma dawk li ma jifilhux. Ma ġejtx insejjaħ lit-tajbin imma l-midinbin” (Mk 2,17)

2 •  Inħallu lil Ġesù jidħol f’qalbna

Kif il-kustat u l-qalb ta’ Ġesù ġew miftuħa hekk ukoll qalbna trid tinfetaħ għal Alla u għall-oħrajn. Fl-Apokalissi nsibu miktub: “Ara, jien qiegħed wara l-bieb u nħabbat; min jisma’ leħni u jiftaħ il-bieb, jien nidħol u niekol miegħu u hu miegħi” (3,20),  San Ġwanni Pawlu II fl-inawgurazzjoni tal-Pontifikat tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 1978 jgħidilna: “La tibżgħux. Iftħu l-bibien beraħ għal Kristu.”

Kristu mhux ser jidħol f’qalbna mingħajr ma aħna nkunu rridu. L-artist Ingliż William Holman Hunt (1827-1910) pitter lil Kristu jħabbat fuq bieb mingħajr ċavetta. Meta ġibdulu l-attenzjoni dan l-artist weġibhom li dak li għamel għamel bi skop. Aħna rridu niftħu minn ġewwa lil Kristu.

Jekk inħallu lil Kristu jidħol f’qalbna allura ser issir tixbaħ lil tiegħu. Huwa jgħinna inrawmu f’qalbna sentimenti ta’ mogħdrija, ħniena, imħabba lejn l-għedewwa, għajnuna lill-proxxmu anki lejn dawk li ma nistgħux nieħdu xejn mingħandhom.  Jgħinna inxettlu f’qalbna valuri nsara bħal l-għożża lejn il-familja u anki lejn l-ambjent.

U proprju waħda mill-akbar għajnuniet li jagħtina hija l-Ewkaristija li hija ċentrali fid-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.