Fl-Angelus ta’ nhar il-Ħadd 20 ta’ Ġunju l-Papa Franġisku ħabbar li r-raba’ Ħadd ta’ Lulju se jibda jkun il-jum dinji dedikat għan-nanniet u għall-anzjani. Intgħażlet data qrib it-tifkira liturġika ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna, in-nanniet ta’ Ġesu’.
Fil-messaġġ tiegħu l-Papa qal li l-leħen tal-anzjani hu prezzjuż għax ikanta tifħir lil Alla u jippreserva l-egħruq tal-popli. Huwa qal li l-anzjani jfakkruna li x-xjuħija hi rigal u n-nanniet huma l-ħolqa bejn ġenerazzjonijiet differenti li jgħaddu lil min hu iżgħar l-esperjenza tal-ħajja. “L-anzjani”, qal il-Papa, “m’għandhomx ikunu minsija”. Fakkar ukoll kemm batew l-anzjani minħabba l-Covid-19. Ħafna mardu, mietu jew raw il-mewt tar-raġel, tal-mara jew tal-għeżież tagħhom, filwaqt li oħrajn sabu ruħhom weħidhom u iżolati għal tul ta’ żmien.
Flimkien man-nanniet u l-anzjani, nhar il-Ħadd 25 ta’ Lulju kulħadd se jkun jista’ jrċievi Indulġenza Plenarja bi qrara, Tqarbina u talba għall-intenzjoni tal-Papa. L-Indulġenza Plenarja tingħata lil min se jiddedika ħin biex iżur il-morda, lil dawk li huma weħidhom u lil persuni bi bżonnijiet speċjali. Dawk li ma jistgħux joħorġu mid-dar jistgħu jirċievu l-Indulġenza Plenarja billi jingħaqdu fit-talb waqt it-trasmissjoni ta’ din l-okkażjoni fuq it-television, ir-radju u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni soċjali.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea