L-ikona tat-tama

Print Friendly, PDF & Email

Ikona tassew ħelwa li ġiet iżżurna dan l-aħħar fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo hi dik tal-Madonna Omm is-Sokkors Perpetwu. Jiġifieri, il-Madonna li tgħinna f’kull ħin ta’ ħajjitna. Tgħid, fil-ħajja, għandna bżonn l-għajnuna ta’ Ommna tas-Sema? Inħalli lil kulħadd jwieġeb hu innifsu u hi innifisha għal din il-mistoqsija.

Storikament l-ikona tal-Madonna Omm is-Sokkors Perpetwu kienet fil-Gżira ta’ Kreta. Ġara li qrib it-tmiem is-seklu ħmistax l-ikona nġiebet Ruma minħabba l-biża li setgħet taqa’ f’idejn it-Torok li dak iż-żmien kienu qed iħabbtu wisq lill-Insara ta’ Kreta. Minn din il-gżira l-ikona Biżantina sabet ruħha fil-Knisja ta’ San Mattew f’Ruma nhar is-27 ta’ Marzu 1499. L-ikona damet f’din il-knisja sal-1812 meta s-suldati Franċiżi daħlu Ruma u għamlu ħerba mill-knisja u keċċew lill-Patrijiet Agostinjani ‘l barra.

Fis-sena 1819 wara li l-ikona kienet ittieħdet fil-kunvent ta’ Sant’Ewsebju, il-Patrijiet Agostinjani kienu mbagħad ħaduha magħhom fil-kunvent ta’ Santa Marija in Posterula. Qiegħduha f’oratorju intern fejn in-nies ftit setgħet tidħol tqim din ix-xbieha mbierka. B’hekk, minħabba dak it-taqlib kollu li ġiebu magħhom il-gwerer u minħabba l-ġiri tal-kwadru, in-nies bħal donnha nsiet ix-xbieha għażiża tal-Madonna tas-Sokkors Perpetwu u d-devozzjoni bdiet tonqos ġmielha.

Iżda mis-Sema, żgur li l-Madonna kienet qed tmexxi kollox. Tant hu hekk li fl-1855 ir-Redentorsti bnew knisja u kunvent fuq il-post fejn qabel kien hemm il-knisja ta’ San Mattew. Il-Patrijiet Redentoristi saru jafu bl-ikona tal-Madonna tas-Sokkors. Għalhekk xtaqu jiksbuha u jqegħduha fejn, għal fuq minn tlett mitt sena, is-Sultana tas-Sema kienet għamlet it-Tron tagħha tal-grazzji. Għalhekk talbu lill-Beatu Papa Piju IX biex jagħtihom f’idejhom din l-ikona. B’reskritt tal-11 ta’ Diċembru 1865 il-Papa ried li l-ikona terġa’ tittieħed fejn ridietha l-Madonna, jiġifieri “bejn Santa Maria Maggiore u San Giovanni Laterano”. Nhar is-26 t’April 1866 ix-xbieha tqiegħdet solennement fuq l-altar maġġur tal-Knisja ta’ Sant’Alfons, f’Ruma, fejn għadha hemm sallum. Sena wara l-ikona ġiet inkurunata mill-Kapitlu tal-Vatikan. Fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Villambrosa fil-Ħamrun hemm kopja ta’ din l-ikona mirakoluża tal-Madonna Omm Tas-Sokkors Perpetwu.

It-tifsira ta’ din l-ikona hu tabilħaqq qawwi u jagħtina fejqan kbir! Il-mant tal-Madonna hu blù, lewn li kienu jilbsuh l-ommijiet fil-Palestina. L-għata ta’ ras li qed jaħbilha xagħarha hu ħadrani, jiġifieri l-lewn li kienu jilbsuh ix-xebbiet Lhud fi żmien Ġesù. B’hekk min kiteb (għax l-ikoni jinkitbu mhux jitpenġew għax fihom niktbu spiritwalità) ried jurina li l-Madonna hi Omm u Xebba.

Lewn il-libsa tal-Madonna hu aħmar. Dan biex jurina li Hi s-Sultana tal-Martri. Fuq il-mant tagħha jidhru s-salib u l-kewkba. Is-salib ifakkarna fit-tbatijiet u fl-imrar li ġarrbet il-qalb ta’ Marija taħt is-salib tal-Fidwa. Filwaqt li l-kewkba tgħallimna li l-Madonna hi l-kewkba dawlija li twassalna fil-port tas-salvazzjoni.

Wiċċ il-Madonna għandu l-għamla ovali u jagħti kemmxejn fl-ismar ħadrani. Għajnejha kbar-miksura jidhru mdawrin lejna u qed jistednuna biex naħarbu mid-dnub. Fommha ċkejken qed jurina li Marija qed tgħallimna li hu fis-skiet u l-ġabra li tgħammar tassew il-qdusija tar-ruħ. L-Ittri Griegi li jidhru fil-lemin ΙϹ ΧϹ huma t-taqsir tal-kelmiet “Ġesù Kristu”.

Ġesù qiegħed fuq driegħ il-Madonna. Mhux miktub (impinġi) bħala tarbija iżda bħala tfajjel. Wiċċu jixhed għerf u għaqal. Ħarstu turina li qiegħed jibża’ mid-dehra tal-għodod tal-Passjoni f’idejn l-Arkanġli. Għalhekk bħallikieku jrid idawwar ħarstu naħa oħra. Issa, mat-tidwira, it-tfajjel ħarrek riġlejh u l-qorqa tal-lemin tinħallu u se taqagħlu. Quddiemna jidher il-Bniedem-Alla. Bħala Alla jaf u qiegħed jara l-jiem koroh tal-Passjoni. Bħala bniedem iħoss li hu wkoll suġġett għall-biża’ u t-tbatija.

Fl-ikona jidher l-Arkanġlu San Mikiel. Fuq rasu hemm l-ewwel ittri Griegi OAM li jsawru ismu. Qed iżomm f’idejh il-qasba bl-isponża u l-lanza li nifdet il-kustat ta’ Ġesù Msallab. Dawn l-istrumenti tal-Passjoni jidher qed jaqbadhom b’velu. B’hekk nitgħallmu jkollna qisma lejn il-ħwejjeġ imbierka.

Fuq in-naħa l-oħra nsibu l-Arkanġlu San Gabriel. Fuq rasu jidhru wkoll l-ewwel ittri Griegi ta’ ismu, jiġifieri OAΓ. F’idejh, dejjem maqbud bil-velu, għandu s-salib li fuqu Ġesù ta’ ħajtu għalina u hekk għamilna werrieta tal-Ġenna. L-isfond tal-ikona hu lewn id-deheb. Dan ifisser il-għana u s-sbuħija tas-Sema.

L-idejn ta’ Ġesù jidhru mqabbdin ma’ l-id il-leminija tal-Madonna. B’dan, l-ikonografu (dak li qed jikteb din l-ikona), jurina s-setgħa li biha Ġesù żejjen ‘l Ommu. Fl-id safja ta’ Ommu, Ġesù jsib il-wens u l-imħabba. F’din l-għaqda ta’ l-idejn tidher ukoll l-għaqda tar-rieda ta’ Marija mar-rieda t’Alla.

It-tfajjel Ġesù qiegħed jistrieħ fuq id-driegħ xellugi ta’ Ommu. Kemm tama tnissel fina din id-dehra! Fil-fatt, din id-dehra tħeġġiġna biex aħna wkoll, ulied Eva midinbin, nersqu fi ħdanha ħa nserrħu rasna għajjiena fuq qalbha li tifhimna, għax hi l-Omm tas-Sokkors Perpetwu.

Fuq ix-xellug, fin-naħa ta’ fuq tal-ikona, jidhru l-ewwel u l-aħħar ittri Griegi tal-kelma li tfisser: “Omm”, ΜΡ. Kemm kobor tħaddan din il-kelma ta’ seħer li biha l-ikonografu ried igħolli l-kobor ta’ dik it-Tfajla Lhudija li, għax baxxiet rasha quddiem ir-rieda ta’ Alla, isimha jimla’ b’kull barka d-dinja kollha!

Fil-lemin tidher biċċa mill-kuruna li iżżejjed ir-ras tal-Madonna.  Fil-lemin ukoll jidhru l-ewwel u l-aħħar ittri Griegi tal-kelma li tfisser “ta’ Alla”, ΘΥ. Mela, l-Madonna hi “l-Omm t’Alla” għax hi tat lid-dinja l-Bniedem-Alla.

Fuq ix-xellug tidher il-biċċa l-oħra tal-kuruna. Il-kuruni jidhru fix-xbieha tqiegħdu fis-sena 1867 b’ordni tal-Beatu Papa Piju IX. U dan b’ringrazzjament għall-grazzji bla tarf li Marija tixħet fuq id-dinja tagħna.

Liema Omm se ċċaħħad lill-uliedha l-għajnuna li għandhom bżonn? Anzi! Omm mhux x’tagħmel imma x’ma tagħmilx biex tara lil uliedha f’saħħithom, ferħana u mħarsa! U, jekk omm ta’ din id-dinja, li hi midinba bħali u bħalek, tissallab għal uliedha biex tarahom fuq wiċċ l’idejn aħseb u ara mela x’tagħmel għalina Marija, li Binha u Ħuna Ġesù tahielna b’Ommna minn fuq is-Salib tiegħu? Ejjew għalhekk nitolbuha ħerqana, f’kull bżonn tagħna, b’din it-talba tassew sabiħa:

Omm ħanina tas-Sokkors Perpetwu, minn idejk jgħaddu l-grazzji kollha li jagħtina. Għalhekk Hu għamlek tant setgħana u għanja biex tkun tista’ tgħinna fi ħtiġijietna. Int l-avukata ta’ kull min jersaq lejk; il-faraġ ta’ min ifittex il-protezzjoni tiegħek.

Għinni Madonna! F’idejk nerħi ruħi. F’idejk inqiegħed is-salvazzjoni tiegħi. Għiddni bħal persuna l-aktar miġbuda lejk. Żommni taħt il-ħarsien tiegħek, u dan hu biżżejjed għalija. Jekk int, ja Marija, tħarisni, minn xejn ma nibża’ għax naf li tħarisni u tidħol għalija quddiem Ibnek Ġesù.

Sbejħa Madonna, għinni nimtela bl-imħabba lejn Ibnek, żomm idejk fuq il-familja tiegħi u fuq pajjiżi, bierek il-ħidma ta’ dawk kolloha li qed jagħmlu t-tajjeb u lil agħtini l-grazzja li fil-mumenti iebsa u f’kull tfixkil nirrikorri lejk u ngħidlek: Omm tas-Sokkors għinni int; la tħallinix nitbiegħed minn Alla tiegħi. Wara itlob tlett Ave Marija lill-Madonna.

X’ikona ta’ tama hi hux dik tal-Madonna Omm tas-Sokkors Perpetwu! Għaliex ma tixtrix ikona sempliċi taħt dan it-titlu u titlob quddiemha?

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: