Naċċettaw ir-rieda ta’ Alla bla tgergir

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 5 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tal-Ħamis tat-Tmintax-il Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Rari naqraw din is-silta b’mod sħiħ. Ħafna drabi nieqfu fil-kelma sabiħa ta’ Ġesù lil Pietru li jirrikonoxxi l-kelma tal-missier permezz tal-appostlu u jgħidlu: “Int tkellimt hekk għax imnebbaħ minn missieri li hu fis-smewwiet. “Mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16:17). Imma Pietru ma tlumux li jibqa’ jirraġuna ta’ bniedem li hu.

Meta Ġesù jibda jitkellem dwar il-ħtieġa li jbati, li jkun miċħud, li joqtluh u li jqum fit-tielet jum. Xi ħaġa li ma setgħux jifhmu xi tfisser li tqum wara tlitt ijiem. Ilumu, allaħares Mulej, ma jkun qatt li jgħaddi mingħalik. Nistgħu nirrikonoxxu fil-vuċi ta’ Pietru, il-vuċi ta’ xi ħadd li jħobb tassew lil Ġesù, li ma jixtiqux jgħaddi minn tbatija kiefra. Ma jixtieqx li xi ħadd joqtlu. Ma nistgħux inlumu lil Pietru għax qed jirraġuna kif nirraġunaw aħna. U r-raġunament tiegħu mhux ta’ bniedem kodard imma ta’ bniedem li jħobb, ta’ ħabib.

Imma Ġesù għandu kelma iebsa għal Pietru: “Inti ta’ tfixkil għalija” (Mt 16:23). Għax Ġesù qed jifhem li dan li se jgħaddi minnu hu r-rieda tal-missier. Ma jridx li Pietru bl-imħabba tiegħu jidħol bejn ir-rieda tal-missier u l-ubbidjenza tal-iben. Pietru għaraf sew li Ġesù kien l-Iben t’Alla u Ġesù jikkonferma: “Mhux inti, missieri”. Mela vera iben.

Imma jien iben. Is-sinjur Alla missier u se nobdih. U allura anki jekk forsi qed tkellimni bit-ton u l-vuċi tal-imħabba jien irrid nobdi. Mhux faċli nifhmuha dil-ħaġa. Iżjed faċli nifhmu lil Pietru li jgħidlu jlum lil Ġesù u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik (Mt 16:22)”. Iżjed faċli għax aħna bnedmin. Għandna bżonn il-qawwa tal-Mulej biex nifhmu x’jiġifieri tobdi lill-missier sal-mewt. Anzi sal-mewt tas-salib. San Pawl imbagħad ikompli jgħid, imma Alla għollih u tah l-isem li hu fuq kull isem.

Għada niċċelebraw il-glorja ta’ Ġesù fuq it-Tabor. Fl-Evanġelju ta’ San Mattew din is-silta hi qrib ħafna r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni. “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15) Ġesù ma jaħbix l-identità tiegħu anki man-nies ta’ intimi madwaru għalkemm jimponi fuqhom li ma jgħidu lil ħadd. Imma ma jaħbilhomx ukoll li hemm bżonn jobdi lill-missier.

Fl-ewwel qari smajna kemm gerger il-poplu Lhudi. F’dawn il-ġranet kważi kuljum nisimgħu xi tgergira tal-poplu Lhudi. Dejjem jibki, jixher. Mosè povru bejn Alla u l-poplu. Kultant Mosè jirrabja, imbagħad Alla jirrabja iżjed minnu. Did-darba jaqlagħha wkoll Mosè għax flok ta daqqa bil-virga fuq il-blata, taha darbtejn u aħna ngħidu kemm hu aħrax dan Alla ta’ Mosè. Imnalla ġie Ġesù Kristu jobdi lill-missier biex jgħidilna eżattament min hu dan Alla. Imma dan Alla ma jċedi qdusietu lil ħadd. Jgħidha ċar u tond.

Issa aħna wkoll bħall-poplu Lhudi kultant, ingergru, mhux biss ħabba s-sħana. Nies ingergru. M’għandniex għalfejn nitkażaw bil-poplu Lhudi għax m’aħniex aħjar. Nitolbu anke fid-dawl ta’ dik il-kelma iebsa li Ġesù lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan. Inti ta’ tfixkil għalija” (Mt 16:23). Nitolbu biex nidħlu iżjed fl-ispirtu ta’ Ġesù.

Il-Papa Franġisku, qabel fl-uffiċċju tiegħu f’Santa Marta, għandu poster kbir. Hemm miktub bit-Taljan: ‘Vietato lamentarsi – ma tistax tgerger’. Kultant ikolli t-tentazzjoni nagħmel xi ħaġa simili quddiem l-uffiċċju tiegħi hawnhekk il-Kurja jew nagħmel flokk – ‘jekk jogħġbok tgergirx’. Din realtà fil-familji, fuq ix-xogħol, kull fejn hemm aħna l-bnedmin. Imma kieku niftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù lil Pietru, iebsa eh, u anke ta’ Alla li qabżitlu ftit mal-poplu tiegħu u ma’ Mosè wkoll. Ipprojbit li tgerger, xi ftit ma jimpurtax, imma żżejjed kollu żejjed.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 20, 1-13
Salm: 94 (95), 1-2.6-7.8-9
Evanġelju: Mt 16, 13-23

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: