Meta atleta jirbaħ il-medalja tad-deheb fil-Logħob Olimpiku, normalment naraw dmugħ ta’ ferħ, naraw il-familja tiċċelebra fid-dar u nassistu għall-entużjażmu tal-istess atleta jdur kburi mal-grawnd bil-bandiera tal-pajjiż. Dan se nibqgħu narawh fil-Logħob Olimpiku.
Imma meta dan l-aħħar it-tim tar-rugby tal-Gżejjer Fiji rebaħ il-medalja tad-deheb fuq it-tim ta’ New Zealand, kien hemm xi ħaġa tassew sabiħa u ta’ min jifraħ meta jkun jaf biha. Din kienet it-ttieni medalja tad-deheb għall-kontinġent ta’ Fiji, pajjiż li qiegħed fis-South Pacific.. Qabel u wara l-logħba, it-tim għamlu ġest kommoventi, talba u song mill-Vanġelu. Niżlu għarkupptejhom u talbu lil Alla b’ringrazzjament. Qagħdu f’ċirku u kantaw l-Innu Nazzjonali. Faħħru lil Alla b’għanja tradizzjonali, li tgħid: “Irbaħna, irbaħna bid-demm tal-ħaruf fil-kelma t’Alla, irbaħna.”
Il-captain tat-tim, Jerry Tuwai qal: “Aħna dejjem nibdew bit-talb u bil-kant tagħna u dejjem nispiċċaw hekk. Is-song tagħna tgħid li Alla tagħna hu Alla li jħobb, u filwaqt li aħna għandna tendenza li naħarbu minn dak li jrid minna, iħobbna xorta waħda u jagħtina dak li hu l-aħjar għalina.”
Jgħidu li n-nies ta’ Fiji huma l-iktar nies ferħana fid-dinja.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea