Alla jitkellem permezz tal-poplu tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 15 ta’ Awwissu 2021: Omelija tal-Em.T. il-Kardinal Mario Grech fil-Pontifikal Solenni tal-Assunta. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija tal-Em.T. il-Kardinal Mario Grech

Fl-artiklu dwar id-Domma tal-Assunzjoni li kienet qed taqra waħda mara dan l-aħħar kien hemm miktub hekk: “Il-Papa Piju XII, wara li sema’ l-poplu kollu ta’ Alla u ra li kien favorevoli li jiddikjara l-Assunta bħala domma tal-fidi tagħna, nhar il-11 ta’ Novembru 1950, bl-awtorità appostolika tiegħu, iddikjara bħala verità tal-fidi tagħna l-Assunzjoni ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tal-ġenna”.

Din il-mara bħal tħawdet ftit meta qrat li l-Papa għamel din id-domma tal-fidi wara li sema’ l-poplu ta’ Alla. Kollha mħassba staqsietni xi jfisser li l-Papa ħass il-ħtieġa li jisma’ lill-poplu ta’ Alla u f’suġġett daqshekk importanti – domma tal-fidi – xi jfisser li l-Papa qagħad fuq dak li qallu l-poplu. X’jista’ qatt jikkontribwixxi l-poplu f’materja ta’ Fidi? Is-soltu din il-kompetenza mhix tal-isqfijiet u forsi tas-saċerdoti? X’awtorità għandu l-poplu ta’ Alla fejn tidħol il-fidi?

Għax verament dakinhar il-Papa wasal biex jagħmel din id-domma b’metodu għalkollox partikulari. Peress li ma hemm xejn fil-Vanġeli dwar kif Marija, Omm Ġesù, temmet il-mixja tagħha fid-dinja, il-Papa bagħat kwestjonarju lill-isqfijiet kollha tad-dinja u talabhom parir: staqsiehom jekk il-poplu ta’ Alla fid-djoċesi tagħhom kellux devozzjoni lejn Santa Marija; staqsa jekk fid-djoċesijiet kienx hemm knejjes iddedikati lill-Assunta u jekk fil-15 ta’ Awwissu kinitx tiġi ċċelebrata l-festa f’ġieħ Santa Marija. It-tweġiba li waslet Ruma mingħand l-isqfijiet kienet kważi unanima: qalulu li iva, il-poplu ta’ Alla jemmen li Marija ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Din ir-risposta kienet il-pretest biex il-Papa Piju XII ipproklama d-Domma tal-Assunzjoni mingħajr ma sejjaħ Konċilju – domma li, kif jgħid il-Papa nnifsu, fil-Kostituzzjoni appostolika Manificentissumus Deus, isserraħ fuq “christiani populi fides – communis populi fides”. Dommi oħra tal-fidi, ngħidu aħna li Marija hija Omm Alla, il-Knisja għamlithom waqt ċelebrazzjoni ta’ konċilji (fil-każ tal-Maternità divina ta’ Marija kien il-Konċilju ta’ Efesu fis-sena 431) mingħajr ma kkonsultat lill-poplu ta’ Alla; imma d-Domma tal-Assunta kellha dan l-oriġni hekk partikulari: għal sekli sħaħ il-poplu ta’ Alla emmen bil-qawwa li bħal Ġesù, Santa Marija ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem.

Meta Piju XII jirreferi għal din il-fidi tal-poplu Nisrani huwa kellu f’moħħu mhux biss il-fidi tal-poplu ta’ Alla ta’ żmienu imma wkoll it-twemmin tal-Knisja kif tixhed it-Tradizzjoni, b’mod partikulari x-xhieda li taslilna permezz tal-kotba magħrufa bħala “apokrafi”. Niżbaljaw jekk meta ngħidu “apokrafi” nifhmu biss dawk il-kitbiet foloz; hemm kitbiet apokrafi, bħalma huma dawk magħrufa bħala “apokrafi assunzjonisti”, li huma espressjoni valida u l-aktar antika tas-sensus fidei tal-Knisja tal-ewwel żminijiet dwar it-tmiem ta’ Marija Omm Ġesù.

Diversi huma dawk li jsostnu li dak li nsibu dwar id-Dormitio Mariæ fil-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja tat-tielet u r-raba’ seklu, bħalma huma Oriġene, Efrem u Epifanju, jagħti u hu ħjiel tas-sensus fidei tal-Knisja antika.

Il-metodu tal-konsultazzjoni tal-poplu ta’ Alla dwar materja ta’ fidi kien intuża darba oħra mill-Papa Piju IX, din id-darba wkoll f’rabta ma’ domma Marjana oħra: id-Domma tal-Immakulata Kunċizzjoni. Anki din id-domma għandha rabta mal-Assunta, għax wieħed mill-argumenti li jagħmlu t-teologi huwa li kif Marija kienet ħielsa minn kull tebgħa ta’ dnub, kien jixraq li l-ġisem tagħha ma jitħassarx fil-qabar u għalhekk hija ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem. Dakinhar, il-Papa Piju IX kien bagħat jistaqsi lill-isqfijiet kollha tal-Knisja dwar it-twemmin tal-poplu ta’ Alla dwar l-Immakulata. Il-Marjologu Stefano De Fiores jikteb li dakinhar deher ċar li s-sensus fidei – il-fidi tal-poplu ta’ Alla – kellu l-preċedenza fuq it-teoloġija u l-maġisteru li b’mod definittiv ipproklama d-domma fl-1854.

Il-Papa Franġisku jemmen bis-sħiħ f’din id-dinjità tal-imgħammdin. Fil-fatt, fl-Eżortazzjoni appostolika Il-ferħ tal-Vanġelu huwa jikteb li “fl-imgħammdin kollha, mill-ewwel sal-aħħar wieħed, hemm taħdem il-qawwa tal-Ispirtu li tqaddes u tħeġġeġ lil dak li jkun biex jevanġelizza. Il-Poplu ta’ Alla hu qaddis minħabba f’din id-dilka li tagħmlu infallibbli ‘in credendo’. Dan ifisser li meta jemmen hu ma jiżbaljax, anki jekk ma jsibx il-kliem biex jesprimi l-fidi tiegħu. L-Ispirtu jmexxih lejn il-verità u jwasslu għas-salvazzjoni. Bħala parti mill-misteru ta’ mħabbtu lejn il-bnedmin, Alla jagħti lill-fidili kollha flimkien dak l-istint tal-fidi – is-sensus fidei – li jgħinu jiddixxerni dak li tabilħaqq ġej minn Alla. Il-preżenza tal-Ispirtu tagħti lill-Insara ċerta konnaturalità mar-realtajiet divini u għerf li bih jistgħu jintuwixxu dawn ir-realtajiet, anki jekk ma għandhomx f’idejhom l-għodda t-tajba biex jesprimuhom bi preċiżjoni” (119).

F’parti oħra tal-istess dokument il-Papa Franġisku jgħid li “kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-grad ta’ tagħlim tal-fidi tiegħu, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni, u ma jkunx f’loku naħsbu fi skema ta’ evanġelizzazzjoni mwettqa minn atturi kkwalifikati fejn il-bqija tal-poplu tal-fidili jkun biss qed jirċievi l-azzjoni tagħhom… Din il-konvinzjoni tinbidel f’appell dirett lil kull Nisrani, biex ħadd ma jibqa’ lura mill-impenn tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni, hekk li, jekk wieħed tabilħaqq għamel esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li jsalvah, m’għandux bżonn ta’ wisq żmien biex joqgħod iħejji ruħu ħalli jmur iħabbarha, ma jistax jistenna li jingħata ħafna lezzjonijiet jew istruzzjonijiet fit-tul. Kull Nisrani hu missjunarju skont kemm kienet kbira l-laqgħa tiegħu mal-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù; ma ngħidux iżjed li aħna ‘dixxipli’ u ‘missjunarji’, imma li aħna dejjem ‘dixxipli-missjunarji’” (120).

B’mod tassew oriġinali l-Papa jgħaqqad l-istint tal-fidi tal-fidili kollha flimkien mal-evanġelizzazzjoni, jew aħjar mad-don tat-tifsir u x-xandir tal-Kelma, mad-don li għandu l-poplu ta’ Alla li jagħraf dak li tabilħaqq ġej minn Alla. Dan l-istint tal-fidi tal-Insara kollha flimkien huwa qawwa li tevanġelizza mhux biss lil dawk li qatt ma semgħu bi Kristu imma anki lill-Knisja nfisha li qatt ma tista’ tieqaf tniżżel għeruqha fil-misteru tal-imħabba u l-ħniena ta’ Alla li dehret fi Kristu. Il-Knisja msejħa biex tevanġelizza, imma hi wkoll trid tiġi evanġelizzata. Huwa għalhekk li l-Papa jisħaq li “s-sensus fidei iżommna milli b’mod riġidu nifirdu bejn Ecclesia docens [li ħafna drabi ġiet ridotta għal forma ta’ klerikaliżmu] u Ecclesia discens, ladarba anki l-merħla kapaċi ‘xxomm’ u tiddixxerni t-toroq ġodda li l-Mulej jiftaħ quddiem il-Knisja”. Mhux hekk għamlu l-Papa Piju XII meta pproklama d-Domma ta’ Santa Marija u l-Papa Piju IX meta għamel id-Domma tal-Immakulata Kunċizzjoni?

Hekk għamel ukoll il-Papa Franġisku f’dawn l-aħħar tliet Sinodi tal-Isqfijiet – dawk dwar il-Familja u l-ieħor dwar iż-Żgħażagħ. Il-Papa jikteb li “kienet din il-konvinzjoni [li l-poplu ta’ Alla huwa mogħni b’dan id-don] li mexxietni meta wrejt ix-xewqa li l-Poplu ta’ Alla jiġi kkonsultat fit-tħejjija għall-appuntament doppju tas-Sinodu fuq il-Familja… Ċertament, konsultazzjoni bħal din bl-ebda mod ma tista’ tkun biżżejjed biex inħossu s-sensus fidei. Imma kif stajna nitkellmu fuq il-familja mingħajr ma nistaqsu lill-familji, nisimgħu x’inhuma l-ferħ u t-tamiet tagħhom, l-uġigħ u t-tbatijiet tagħhom? Fit-tweġibiet għaż-żewġ kwestjonarji mibgħuta lill-Knejjes partikulari, kellna l-possibbiltà li nisimgħu tal-inqas lil xi wħud minnhom dwar il-kwistjonijiet li jmissuhom mill-qrib u li fuqhom għandhom tant x’jgħidu”.

Dan ma jfissirx li fil-Knisja għandna żewġ modi distinti minn xulxin kif naslu għall-verità tal-fidi: il-konvinċiment fil-fidi tal-poplu ta’ Alla u l-Maġisteru tar-ragħajja. Meta nitkellmu fuq l-istint tal-fidi tal-fidili kollha flimkien qed ngħoddu flimkien kemm il-lajċi u kemm il-ġerarkija. Fil-fatt, meta jitkellem dwar il-ġemgħa tal-fidili li ma tistax tiżbalja fit-twemmin, il-Konċilju Vatikan II jippreċiża li din il-ġemgħa turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha ‘mill-isqfijiet sal-anqas fost il-lajċi’ jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta’ fidi u ta’ morali” (Lumen gentium, 12). Għalhekk, meta ngħidu li l-poplu ta’ Alla għandu dan id-don li jiftaħ toroq ġodda għall-Knisja, b’poplu ta’ Alla nifhmu l-imgħammdin kollha flimkien: lajċi, ikkonsagrati, saċerdoti, isqfijiet u Papa. Ma jistax ikun hemm espressjoni awtentika tal-verità tal-fidi jekk din tasal minn xi grupp ta’ persuni li jkun miftum mill-ġerarkija li għandha “d-don ċert tal-verità” (Dei Verbum, 8).

Meta qed nitkellmu fuq is-sehem li għandu jagħti l-poplu ta’ Alla għall-ħajja tal-Knisja ma jfissirx li ‘Ċikku l-poplu’ għandu l-jedd li jgħid tiegħu jew li l-Knisja qed ixxaqleb lejn is-sistema demokratika fejn il-maġġoranza tirbaħ fuq il-minoranza. Ħasra li hemm min jieħu vantaġġ minn dan il-ftuħ u jaħseb li għandu l-libertà tal-kelma biex jesprimi kritika tiegħu kontra l-istituzzjoni! Il-poplu ta’ Alla jista’ tassew jikkontribwixxi jekk verament qed jgħix il-fidi. Is-sehem li kull min hu mgħammed jista’ jagħti jiddependi minn kemm huwa joħloq spazju fih innifsu għall-Ispirtu s-Santu – għax l-istint tal-fidi mhux opinjoni, gosti jew proġetti personali, imma huwa li f’atteġġjament ta’ talb u riflessjoni fuq il-Kelma ta’ Alla wieħed jiddixxerni l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu. Kif jgħid il-Papa Franġisku, wieħed jista’ jipparteċipa biss jekk ikun għamel “esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li jsalvah… skont kemm tkun kbira l-laqgħa tiegħu mal-imħabba ta’ Alla fi Kristu Ġesù”. Santa Marija hija eżempju għalina f’dan il-proċess ta’ namur mal-Ispirtu s-Santu: hija li kienet tgħożż f’qalbha dak kollu li kienet tisma’ mingħand Ġesù.

Fid-9 u l-10 ta’ Ottubru li ġej il-Papa sejjer jinawgura s-Sinodu tal-Isqfijiet li għandu bħala tema: Knisja sinodali: komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni.F’diskors importanti li għamel sitt snin ilu fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tat-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, il-Papa Franġisku kien qal: “Knisja sinodali hi Knisja li tisma’… Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem. Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-‘Ispirtu tal-verità’ (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li hu ‘jgħid lill-Knejjes’ (Apok 2:7). Is-Sinodu tal-Isqfijiet hu fejn jiltaqgħu l-aspetti kollha ta’ dan id-dinamiżmu ta’ smigħ fuq kull livell ta’ ħajjet il-Knisja. Il-mixja sinodali tibda bis-smigħ tal-Poplu, li ‘hu wkoll għandu sehem mill-funzjoni profetika ta’ Kristu’. Is-Sinodu jkompli l-mixja tiegħu billi nagħtu widen għal dak li jgħidulna r-Ragħajja. Permezz tal-Padri Sinodali, l-Isqfijiet jaġixxu bħala ħarriesa awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha, li għandhom b’attenzjoni jagħrfu jagħżlu ruħhom mill-kurrenti tal-opinjoni pubblika li spiss jinbidlu… Fl-aħħar nett, il-mixja sinodali tilħaq il-qofol tagħha fis-smigħ tal-Isqof ta’ Ruma, imsejjaħ jitkellem bħala ‘Ragħaj u Għalliem tal-Insara kollha’: mhux skont il-konvinzjonijiet personali tiegħu, imma bħala l-ogħla xhud tal-fides totius Ecclesiæ, il-garanti tal-ubbidjenza u tat-twaħħid tal-Knisja mar-rieda ta’ Alla, mal-Vanġelu ta’ Kristu u mat-Tradizzjoni tal-Knisja”.

Il-mixja sinodali tibda bis-smigħ tal-Poplu proprju għax għandu dan l-istint tal-fidi – bl-għajnuna tal-grazzja għandu l-ħila jintebaħ x’inhi r-rieda ta’ Alla. Proprju għalhekk l-ewwel fażi tas-Sinodu li ġej hija l-konsultazzjoni li ser issir mal-poplu ta’ Alla kollu. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Papa ser jibgħatilkom dokument qasir bil-kwestjonarju. Importanti li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jittieħed bis-serjetà u huwa dmir tal-imgħammdin li jieħdu sehem fih. Jekk li wieħed jisma’ l-poplu ta’ Alla jfisser li qed jisma’ xi jrid jgħid l-Ispirtu s-Santu lill-Knisja llum, jekk nittraskuraw dan il-proċess ta’ smigħ inkunu qegħdin nagħlqu widnejna għall-Ispirtu. Huwa l-istess metodu li uża l-Papa Piju XII biex wassal għall-proklamazzjoni tad-Domma ta’ Santa Marija; kif illum qegħdin nagħtu glorja lil Santa Marija fit-Tlugħ fis-Sema bir-ruħ u l-ġisem għax dakinhar il-poplu ta’ Alla “tkellem”, hekk ukoll huwa meħtieġ illum li l-poplu ta’ Alla, għalenija f’komunjoni mal-Isqof u ma’ Pietru, iwassal il-vuċi tiegħu, jew aħjar, jagħmel eku tal-vuċi tal-Ispirtu li jgħammar fina, biex jgħin lill-Knisja fil-missjoni tagħha.

Min iħobb lil Santa Marija ma jistax ma jħobbx lill-Knisja. Id-devozzjoni lejn Santa Marija hija devozzjoni lejn il-Knisja, għax kif jikteb Jean Galot, “kieku ma kienx hemm il-Knisja, ma kienx ikun hemm il-Verġni Omm Alla: Marija ntgħażlet biex tkun Omm Alla (u għalhekk hija l-Assunta) biex tiżgurana li tissawwar dik il-ġemgħa ta’ bnedmin salvati mill-Feddej. Hemm rabta li ma tinħallx li tgħaqqad lil Marija mad-destin tal-Knisja”. Is-Sinodu tal-Isqfijiet li jmiss jaf ikun mument ta’ grazzja – kairos – għall-ġejjieni tal-Knisja, għaliex ir-riflessjoni kollha ser tkun dwar x’passi u għażliet iridna nieħdu l-Ispirtu s-Santu biex inkunu Knisja sinodali – Knisja li timxi flimkien. Għalhekk, f’din is-Solennità liturġika ta’ Santa Marija, minn qalbi nagħmel talba ħerqana lill-Assunta li żżejjen din il-Knisja Katidrali tagħna u għadd ta’ katidrali oħra mxerrda fid-dinja Kattolika, biex filwaqt li żżomm idejha fuqi f’din il-missjoni li fdali l-Papa Franġisku, tiggwida lill-poplu ta’ Alla biex bil-kuraġġ kollu ma jehdiex jgħin lir-Ragħajja – f’din id-djoċesi lill-għażiż Isqof tagħna Anton – fil-konverżjoni sinodali tal-Knisja universali.

Leave a Reply