Qari tal-25 ta’ Jannar – Il-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl

Print Friendly, PDF & Email

25 ta’ JannarIl-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl – Festa

Qari I

Atti 22: 3-16

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-poplu: “Jiena Lhudi; twelidt f’Tarsu taċ-Ċiliċja, imma trabbejt f’din il-belt f’riġlejn Gamaljel u tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirijietna; jien mimli ħeġġa għal Alla, kif ukoll intom ilkoll illum.

Jien ħadtha sal-mewt kontra min qabad din it-Triq tal-Mulej, u rbatt u tfajt il-ħabs irġiel u nisa, kif jista’ jixhidli l-qassis il-kbir u l-Kunsill kollu tax-Xjuħ. Kien mingħandhom li jien ħadt ittri għal ħutna, u mort Damasku biex lil dawk ukoll li kienu hemm inġibhom marbutin Ġerusalemm u jkunu ikkastigati. Imma jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari.

Waqajt mal-art u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.’ Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni. Imbagħad jien għidt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.’ Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku. Hemmhekk kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skont il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud kollha li kienu joqogħdu hemm; ġie għandi, resaq fuqi u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl.’ Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh.

Imbagħad hu qalli, ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.’”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali

116: 1.2

R/. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!

Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,

sebbħuh, popli kollha! R/.

Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina,

il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Ġw 15: 16

R/. Hallelujah

Jien għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mk 16: 15-18

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien: Ġesù wera ruħu lill-Ħdax, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva, iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma l-mirakli li jsieħbu ’l dawk li jemmnu: f’Ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.