Ġwanni Pawlu II fil-Filippini

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN, IL-FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA GĦALL-KOMUNITÀ TA’ DAVAO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Davao (Filippini), 20 ta’ Frar 1981

Ġħeżież ħuti f’Sidna Gesù Kristu,

1. Il-ħoss vibranti tal-ilħna tagħna li jixterdu fl-arja ta’ din il-bejt fjorixxenti ta’ Davao, f’din il-gżira ta’ Mindano li qiegħda tiżviluppa b’mod hekk mgħaġġel, waqt li nkantaw it-tifħir lil Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, isejħilna mill-ġdid il-leħen tal-Mulej indirizzat lill-ewwel appostli tiegħu, meta qal: “Ingħatatli kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha, waqt li tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, wsaqt li tgħallmuhom josservaw dak kollu li jiena ordnajtilkom. Araw, jiena magħkom il-jiem kollha, sa tmiem id-dinja” (Mt 28,18-20). Ġesù, li kien Hu stess mibgħut mill-Missier, min-naħa tiegħu bagħat lill-Appostli: “Bħal ma l-Missier bagħat lili, jien ukoll nibagħat lilkom” (Ġw 20,21). Minn dak il-waqt, ma kienx hemm interruzzjoni fid-dispaċċ u fit-tluq: “U huma marru u ppridkaw ma’ kullimkien” (Mk 16,20). Minn dak il-waqt, ukoll, kien hemm tweġiba ekkleżjali nċessanti ta’ dawk li jemmnu u jkunu mgħammdin. L-“Atti tal-Appostli” jgħidulna: “Allura dawk li laqgħu kelmtu kienu mgħammdin….U huma kienu  regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli, fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2,41-42). Minn dak li jiġi qabel naraw diġa n-natura komunitarja tal-Knisja li kellha tkun iffurmata mill-ġnus kollha  miġbura f’għaqda. Dawk li jemmnu kellhom ikunu marbutin ma’ xulxin mill-fidi u mill-għaqda fraterna, permezz tal-qsim tal-ħobż komuni u t-talb komuni. Dawk li jemmnu kellhom jiffurmaw Knisja, komunità.

Wisq maħbubin ħuti, ma nistax niddeskrivilkom kemm jien kuntent li ninsab hawn illum magħkom f’din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Bħala magħżul mill-providenza ta’ Alla biex inkun Vigarju ta’ Kristu fuq l-art u s-suċċessur ta’ San Pietru fis-Sedja Apostolika ta’ Ruma, jiena niċċelebra magħkom, f’post eluf ta’ mili bogħod minn Ruma, is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, it-tifkira tal-mewt u l-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Qegħdin nipproklamaw flimkien il-misteru tal-fidi: “Inħabbru l-mewt tiegħek, Mulej, inxandru l-Qawmien mill-imwiet tiegħek fl-istennija tal-miġja tiegħek”.

Dan huwa fis-sewwa, waqt uniku ta’ sodisfazzjon profond. Infatti ninsabu hawn miġbura bħal Ragħaj u merħla, bħala Knisja, bħala l-Ġisem ta’ Kristu, li fih hemm varjetà ta’ servizz, imma l-istess Mulej, varjetà ta’ opri, imma l-istess Alla li jispirahom kollha f’kull wieħed; u lil kull waħda hija mogħtija l-istess manifestazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid komuni (cf. 1Kor 12,4-7).

Qiegħed nara fl-uċuh karatteristiċi tagħkom ta’ Filippini, mimlijin meravilja, l-uċuh ta’ wlied Missierna komuni, aħwa rġiel u nisa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Imma qiegħed nara wkoll fl-uċuħ tagħkom in-niket marbut mat-tifkira ta’ dawk kollha li batew u mietu waqt l-għargħar riċenti li ħarbtu sitt provinċji ta’ din il-gżira. Lilkom ilkoll noffrilkom l-espressjoni tas-sehem tiegħi fin-niket għat-telfa tal-għeżież tagħkom, it-talb tiegħi għal dawk li mietu, għall-feruti, għal dawk bla saqaf u l-inkuraġġiment tiegħi sabiex intom tiffaċċjaw id-dmir gravi tar-rikostruzzjoni, bil-grazzja ta’ Alla, djarkom u ħajjitkom. Qiegħed nara fikom ilkoll, miġburin hawn fl-isem ta’ Sidna, l-unika familja ta’ Alla, il-Poplu ġdid ta’ Alla, li flimkien jikkostitwixxi – kull wieħed u waħda skont il-funzjoni propja, imma dejjem b’solidarjetà ekkleżjali – il-Ġisem ta’ Kristu fil-ferħ u fin-niket.

2. Din l-assemblea Ewkaristika, magħmula minna li ġejjin mill-Punent u minnkom ta’ Davao u Mindano li tirrapreżentaw l-uniku nazzjon kattoliku tal-Lvant, hija sintesi tax-xewqa ta’ Sidna tal-kmand ta’ Sidna u tat-tweġiba personali tagħna. Il-Mulej xtaq jiġbor il-ġnus kollha f’merħla waħda taħt Ragħaj wieħed. Il-kmand tiegħu kien li jagħmel dixxipli fin-nazzjonijiet kollha, fil-Lvant u fil-Punent, u t-tweġiba tagħna hija din il-moltitudni kbira ta’ poplu ta’ ilsna u kuluri differenti, ta’ kulturi u kondizzjonijiet differenti, miġburin f’komunjoni ekkleżjali biex naqsmu l-kelma ta’ Alla u l-Ħobż tal-ħajja eterna: hawn madwar l-Arċisqof tagħkom u madwar il-mejda tal-kelma ta’ Alla u tas-Sagrifiċċju Ewkaristiku intom tiffurmaw il-Knisja lokali tagħkom, il-komunità ekkleżjali lokali tagħkom. Intom magħqudin fl-għaqda ta’ fidi waħda u ta’ kult wieħed u f’dik ir-rabta ta’ mħabba li hija s-sinjal distintiv tal-veri dixxipli ta’ Kristu: “Minn dan kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13,35).

Din il-Komunità ekkleżjali, fil-livell dijoċeżan, mal-Isqof bħala sinjal u ċentru ta’ għaqda, hija mitmugħa b’mod kostanti mill-adeżjoni lejali lejn il-kelma ta’ Alla u ma’ kult awtentiku skont ir-relazzjoni fundamentali bejn fidi u kult: “lex orandi, lex credendi”. Hija wkoll imsaħħa mir-rabta tal-imħabba bejn il-membri u mis-sehem koxjenti tal-membri kollha, skont id-doni li kull wieħed u waħda rċivew, għall-kostruzzjoni tal-Knisja lokali.

3. L-istess ħajja ekkleżjali fil-livell dijoċeżan tirrifletti ruħha fuq il-livell parrokkjali. L-istess varjetà ta’ doni u ta’ ministeri tikkontribwixxi għall-unika missjoni tal-bini tal-Ġisem ta’ Kristu. L-istess għarfien li tkun membru ta’ komunità ekkleżjali jegħleb.  Fil-livell parrokkjali komunjoni u sehem ta’ sinifikat verament ekkleżjali huwa sperimentat jum wara jum. Fil-komunitajiet insara żgħar fejn il-membri jafu lil xulxin b’mod iktar personali il-vera mħabba u r-rapport fratern iġi pprattikat b’mod iktar faċli. Id-dwejjaq u l-bżonn ta’ ħu jew oħt li jafuk u li jarawk kuljum iqanqal il-qalb umana għall-imħabba u għall-ħniena. Mill-banda l-oħra, aħna inqas lesti li jkollna mħabba u ħniena għal min ma nafuhx u ma narawhx. “Min infatti ma jħobbx lil ħuh propju li jarrah ma jistax iħobb lil Alla li ma jarahx” (1Gv 4,20).

Barra minn hekk id-dimensjoni komunitarja tal-vokazzjoni nisranija tagħkom kienet enfasizzata b’mod qawwi ħafna mir-riforma liturġika tal-Konċilju Vatikan II. Kull att liturġiku fih innifsu huwa att tal-Ġisem ta’ Kristu kollu, mir-Ras u mill-membri. Kull sagrament u kull Quddiesa li tiġi ċċelebrata hija att ta’ Kristu u tal-Ġisem. Kull azzjoni tajba mwettqa minn mimbru hija vantaġġ tas-sħubija tal-membri u kull dnub huwa mhux biss offiża kontra Alla, imma ġerħa mposta lill-Ġisem ta’ Kristu. F’din il-prospettiva, l-ewwel att komuni fil-bidu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika huwa stqarrija ta’ dnubietna kontra Alla u kontra l-Ġisem ta’ Kristu: “Nistqarr lil Alla li jistà kollox u lilkom, ħuti”; u fl-aħħar parti ta’ dan l-att penitenzjali komuni ngħidu: “u nitlob lill-beata Marija dejjem Verġni, lill-anġli u lill-qaddisin u lilkom ħuti, biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna”. Minn dan kollu jidher evidenti li linqas biss jaqgħalna f’moħħna li n-nisrani jeżisti biss għalih innifsu.

Aħna nsara għaliex nappartienu lil Kristu u lil Ġismu. Nisrani li ma tgħallimx jara u jħobb lil Kristu fil-proxxmu tiegħu mhuwiex nisrani għal kollox. Nisrani ma jistax ikun bħal Kajjin li jirrifjuta li jkun l-għassies ta’ ħuh. Aħna l-għassiesa ta’ ħutna, aħna marbutin ma’ xulxin bir-rabta tal-imħabba. Din l-imħabba hija l-kmandament ta’ Alla għall dawk kollha li jemmnu Fih. Għan-nisrani li jgħix huwa li jħobb u li jħobb huwa li jgħix. “Magmahalan tayo tulad ng pagmahal sa atin nang Diyos” (Inħobbu lil xulxin bħal ma Alla ħabb lilna!).

4. Din in-natura komunitarja jew ekkleżjali tal-vokazzjoni tagħna, li wieħed jipprattika b’mod iktar faċli fil-livell dijoċeżan jew parrokkjali, għandha tkun diretta, xejn inqas, fil-Knisja universali. Aħna Knisja lokali biss fil-qies li fih aħna parti tal-Knisja universali, inwaqqfa minn Sidna Ġesù Kristu. Aħna parti leġittima biss għaliex nappartienu lis-solidarjetà. U Sidna kellu l-intenzjoni u b’mod effettiv waqqaf Knisja li kellha tinfirex minn tarf għal ieħor tad-dinja biex issir il-Poplu l-ġdid ta’ Alla, l-Iżrael il-ġdid. Kristu Sidna ried li l-Knisja tiegħu tkun universali u wkoll waħda u l-istess fid-dinja kollha. Ried li l-ġnus kollha ‘il hemm mill-fruntieri u l-barrieri jkunu komunità ekkleżjali waħda mmexxija minn Ragħaj suprem.

Ried li l-Knisja tiegħu jew komunità ekkleżjali tippriedka l-istess duttrina, tipprattika l-istess kult, tosserva l-istess liġi tal-imħabba u tkun immexxija minn għassies tal-imfietaħ bl-assistenza tal-Ispirtu Santu. Din l-istess Knisja hija l-funtana tal-verità u s-sors tal-poter spiritwali li jassimila l-kulturi tal-postijiet u taż-zminijiet kollha. Din l-assimilazzjoni mhijiex konsegwenza ta’ kulturi umani u lokali, imma tal-elevazzjoni tagħhom. Il-verità kristjana, min-naħa tagħha, inkarnat ruħha f’kull kultura lokali waqt li ppurifikat billi għolliet u kkonsolidat l-valuri tagħhom.

L-unità tad-duttrina u tal-kult ipproklamat u ssalvagwardjat minn kull adulterazzjoni permezz tal-Knisja universali hija perfettament imwettqa mil-liġi tal-imħabba li turbot l-insara kollha ma’ Alla u lil kull wieħed u waħda ma’ xulxin. Il-Knejjes lokali kollha mal-Knisja universali, permezz tal-Knejjes lokali u taħt l-impuls tal-Ispirtu li jgħammar fiha, gradwalment jittrasforma id-dinja kollha fis-saltna ta’ Alla hawn fuq din l-art u b’mod li ma jaqtax jippromwovi ċ-ċiviltà tal-imħabba.

5. Għeżież ħuti, Sidna Ġesù Kristu jrid li ngħixu l-fidi tagħna għall-bini tal-komunità ekkleżjali hekk li l-fidwa tiegħu tkun tistà tiġi applikata lill-membri b’mod individwali permezz tal-ministeru tal-Knisja. Fl-istess ħin m’għandna qatt nieqfu li nenfasizzaw li kull membru għandu kontinwament jikkonverti ruħu lejn Alla u jikkonforma ruħu lejn Kristu bl-imħabba, għall-iskop li jieħu sehem, f’dan ix-xogħol komuni, fil-bini tal-Ġisem ta’ Kristu.

Jistà ma jkunx diffiċli għal xiħadd li jibqà fidil lejn id-duttrina tal-fidi kif inhi proposta mill-Knisja universali u fidil lejn kult awtentiku; nistgħu ukoll inkunu kapaċi li nitkellmu ilsna u ninterpretawhom u jkollna d-don tal-profeziji. Imma jekk ma nsegwux l-amar ta’ Sidna li nħobbu lil Alla u lil xulxin, ma nkunux iġġudikati denji tal-premju etern tiegħu. B’deċiżjoni ċara Sidna ssintetizza l-kmandamenti kollha tal-liġi l-qadima fl-ordmi li nħobbu lil Alla u lill-proxxmu. La tagħmilx deni jew offiża lill-oħrajn hija ftit li xejn u huwa mod tassew inadegwat kif tħobb lill-oħrajn. Fil-komunità ta’ nsara tagħna, il-fehim tal-imħabba ta’ San Pawl huwa l-veru fehim tal-amar ta’ Sidna li nħobbu lil xulxin: “Li kont nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli bla ma għandi l-imħabba, kont inkun qisni strument tar-ram iżarżar jew platti jċekċku. U kieku kelli d-don tal- profezija u naf il-misteru tal-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li nqanqal il-muntanji, imma ma kellix imħabba, jien ma kont inkun xejn. U kieku kelli nqassam ġidi fil-karità u nagħti ġismi għall-ħruq bla ma jkolli mħabba, xejn ma jkun jiswieli ta’ ġid” (1Kor 13,1-3).

Għeżież ħuti, jekk iż-żjara tiegħi hawn tikseb li kull wieħed u waħda minnkom tħobbu lil xulxin imqar naqra iktar; jekk iż-żjara tiegħi hawn tirrendikom imqar naqra waħda biss iktar ekkleżjali jew orjentati lejn il-komunità, b’mod li taħsbu dejjem iktar fl-oħrajn b’imħabba, hekk iż-żjara tiegħi hawn iżżomm fikom xewqa ikbar li taqdu pjuttost milli tkunu moqdija, allura din, għall-grazzja ta’ Alla, tkun fruttuża u valida.

Fl-aħħarnett, ippermettuli, maħbubin tiegħi f’Sidna, li nfakkarkom u nipproponilkom bħala regola tal-ħajja fir-relazzjonijiet ekkleżjali tagħna t-talba insuperabbli tad-duttur serafiku, San Franġisk ta’ Assisi: “Agħmilni strument tal-paċi tiegħek: fejn hemm il-mibegħda agħmel li jien inwassal imħabbtek, fejn hemm l-offiża l-maħfra tiegħek, Mulej,  u fejn hemm id-dubju il-vera fidi Fik. O Mgħallem, agħmel li jien ma nifittixx li nkun imfarraġ daqs kemm infarraġ jien, li nkun mifhum iktar milli nifhem lil ħaddieħor jien, li iktar inkun maħbub milli nħobb lil ħaddieħor jien. Mgħallem Divin, agħmel li jien ma nfittixx li nkun imfarraġ imma nfarraġ jien. Agħmel minni strument tal-paċi tiegħek, għaliex meta naħfru aħna nkunu maħfura, meta nagħtu lill-bnedmin kollha aħna nkunu mogħtija, u waqt li nmutu nirxuxtaw għall-ħajja ta’ dejjem. Agħmel minni strument tal-paċi tiegħek. Fejn hemm id-disperazzjoni ħallini nwassal it-tama, fejn hemm id-dlam inwassal id-dawl u fejn hemm in-niket agħmel li nferrex dejjem il-ferħ”.

“Maraming salamat at Pagpalain nawa kayo nang Diyos!”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.