Qari tat-Tnejn tat-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tmien Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Lil Ġesù Kristu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh u temmnu fih; għalhekk intom tifirħu b’ferħ glorjuż.

1 Piet 1, 3-9

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef. Dan il-wirt hu merfugħ għalikom fis-sema għax intom tinsabu taħt il-ħarsien tal-qawwa ta’ Alla fil-fidi tagħkom li twassal għas-salvazzjoni li lesta biex tidher fl-aħħar taż-żminijiet.

Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi. Bħalma d-deheb, li jintemm, jgħaddi mill-prova tan-nar, hekk tgħaddi mill-prova l-fidi tagħkom, li tiswa aktar mid-deheb, biex ikun jistħoqqilha tasal għat-tifħir, għall-glorja, u għall-ġieħ, meta jidher Ġesù Kristu. Lilu, għalkemm ma rajtuhx, intom tħobbuh; fih, għad li issa m’intomx tarawh, intom temmnu; fih intom tifirħu b’ferħ glorjuż, li ma jistax jitfisser, waqt li tiksbu l-għan tal-fidi tagħkom, li hu s-salvazzjoni tagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 110 (111), 1-2.5-6.9 u 10ċ

R/. (5b): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,

jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.

Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu,

meta qassam lilhom art il-ġnus. R/.

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,

waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu.

Qaddis u tal-biża’ hu ismu!

Għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu, għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Mur bigħ li għandek! Ejja u imxi warajja!

Mk 10, 17-27

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien se jaqbad it-triq, mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Ġesù qallu: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu