19 ta’ Marzu – San Ġużepp, l-Għarus tal-Verġni Mqaddsa Marija -Solennità
Qari I
2 Sam 7: 4-5a.12-14a.16
Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel
F’dak iż-żmien: Il-Mulej kellem lil Natan u qallu: “Mur u għid lill-qaddej tiegħi David: Dan jgħid il-Mulej: Meta inti ttemm żmienek u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħareġ minn ħdanek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Huwa jibni dar lil ismi, u jiena nsaħħaħ it-tron tas-saltna tiegħu għal dejjem. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi, u t-tron tiegħek jitwettaq għal dejjem.”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 88: 2-5.27.29
R/. In-nisel tiegħu jibqa’ għal dejjem!
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni,
minn nisel għal nisel b’fommi nxandar il-fedeltà tiegħek.
Għax jien għidt: “Il-ħniena hi mwaqqfa għal dejjem;
fis-sema int wettaqt il-fedeltà tiegħek.” R/.
“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
u ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Nagħmel li n-nisel tiegħek jibqa’ għal dejjem
u li t-tron tiegħek, jibqa’ sħiħ f’kull nisel. R/.
Hu jsejjaħli: Missieri int,
Alla tiegħi blata tas-salvazzjoni tiegħi!
It-tjieba tiegħi fuqu nżommha għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ. R/.
Qari II
Rum 4: 13.16-18.22
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti: Lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-liġi, imma permezz tal-ġustifikazzjoni bil-fidi.
Għalhekk il-wegħda mal-fidi hi marbuta, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraham, il-missier tagħna ukoll, skont ma hemm miktub, ‘Jiena nagħmel minnek missier ta’ kotra ta’ ġnus,’ missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix.
Meta ma seta’ jara ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skont ma kien intqal lilu, ‘Hekk għad ikun kotran in-nisel tiegħek.’ U kien għalhekk li dan ġie lilu meqjus b’ġustifikazzjoni.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Hienja dawk li jgħammru fit-Tempju tiegħek, Mulej:
huma jfaħħruk għal dejjem.
R/. Hallelujah / Glorja u tifħir lilek, Kristu.
Evanġelju
Mt 1: 16.18-21.24a
(jew jista’ jinqara: Lq 2: 41-51a)
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Ġakobb nissel ’il Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu Kristu. It-tnissil ta’ Ġesù Kristu sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, ħarġet tqila bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u li ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel f’rasu li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Wara li qatagħha li jagħmel hekk, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, la tibżax tilqa’ għandek lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġie bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hi jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.” Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.