Il-Papa jittama li Becciu jinstab innoċenti

Print Friendly, PDF & Email

F’intervista li l-Papa Franġisku ta nhar l-Erbgħa 1 ta’ Settembru lil Carlos Herrera, ġurnalist ta’ stazzjon televiżiv Spanjol, qal li jittama li l-Kardinal Angelo Becciu jinstab innoċenti. Il-Papa qal hekk: “Nittama li hu innoċenti. Kien kollaboratur tiegħi u għeni ħafna. Hu persuna li jien għandi rispett lejh,  jiġifieri hi x-xewqa tiegħi li kollox imur sew. Hu x’inhu, trid tiddeċiedi l-ġustizzja.

Il-Kardinal Becciu jiċħad bil-qawwa kollha li hu involut f’dak li hu kontra l-liġi.

Il-Kardinal Becciu hu wieħed minn għaxra min-nies akkużati fil-qorti tal-Vatikan fl-ikbar każ ta’ reati finanzjari ta’ żmienna, wara li l-Papa biddel in-normi li bihom Kardinali jistgħu jiġu ġudikati minn imħallfin lajċi. Il-Kardinal Becciu jinsab akkużat b’abbużi finanzjarji mill-uffiċċju tiegħu, imma qed jiċħad bil-qawwa kollha li hu involut f’dak li hu kontra l-liġi.

Għall-mistoqsija dwar korruzzjoni fil-Vatikan, il-Papa wieġeb hekk: “Ma nibżax mit-trasparenza jew mill-verità. Xi drabi tweġġa, u tweġġa ħafna, imma l-verità teħlisna. Nittamaw li l-miżuri li qed nieħdu fil-Vatikan dwar il-ġustizzja jgħinuna biex dawn l-affarijiet jonqsu kemm jista’ jkun.”

Il-Papa kompla lill-ġurnalist: “Inti użajt il-kelma korruzzjoni u, f’dan il-każ iva, tal-inqas kif tħares lejha mill-ewwel, jidher li hemm korruzzjoni.

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.