Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 6 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tat-tlieta u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

“X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?” Dan hu li qal Ġesù lill-kittieba u lill-Fariżej fis-sinagoga qabel ma għamel il-miraklu u fejjaq lir-raġel li kellu idu niexfa. Il-kittieb u l-Fariżej kienu, skont l-Evanġelju, “moħħhom fih”; mhux biex isegwu t-tagħlim tiegħu, jew dak li kien qed jgħid, lanqas għax kienu jattirawhom il-mirakli li kien jagħmel Ġesù, imma biex jaraw ifejjaqx lil dan il-bniedem f’Jum is-Sibt.

Dan għaliex għalihom is-Sibt kien sagrosant. Kellhom ħafna regolamenti x’jistgħu jagħmlu u x’ma jistgħux jagħmlu nhar ta’ Sibt. Imma li ġralhom kien li kienu jimxu ma’ dawn, imma ma jagħtux każ tal-aktar affarijiet importanti – per eżempju, li tgħin lill-bniedem fil-bżonn. Kienu lesti anke li ma jagħtux każ ta’ min kien fil-bżonn biex josservaw il-liġi tas-Sibt.

Għalhekk Ġesù għamel dik id-domanda, li huma ma weġbux. U meta Ġesù fejqu, u idu reġgħet saret qawwija u sħiħa, l-Evanġelju jgħid li huma “xegħlu bil-korla”.  Għal Ġesu, il-bniedem jiġi l-ewwel – il-bniedem, il-ġid tiegħu, il-bżonnijiet tiegħu,  u speċjalment il-bniedem li jbati. Jidher li dar-raġel kien ilu jbati. Imma għall-Fariżej u l-kittieba, l-ewwel kien jiġi li josservaw is-Sibt, bir-regolamenti li kellhom, bla ma jagħtu każ dak li kien l-iktar importanti, jiġifieri li jgħinu lill-bniedem fil-bżonn.

X’jgħallimna Ġesù f’dan l-Evanġelju? Jekk noqogħdu fuq id-domanda li għamel Ġesù, għandna ħafna li hu ta’ ġid għall-ħajja tagħna: x’jiswa, li tagħmel il-ġid jew id-deni, issalva ħajja jew teqridha? Aħna kieku nwieġbu mal-ewwel: nagħmlu l-ġid mhux id-deni, insalvaw il-ħajja mhux neqirduha. L-istedina ta’ Ġesù hi biex dak li ngħidu nagħmluh fil-prattika.

Hemm ċirkustanzi fil-ħajja fejn tant jidħol dan li qed jgħid Ġesù. Ħu, per eżempju: “tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni?” Kieku naħsbu ftit fil-kliem tagħna, u dan ikun tassew prinċipju li jmexxina f’li ngħidu, fuq l-oħrajn jew mal-oħrajn, f’li niktbu, fuq l-oħrajn jew mal-oħrajn, jew li nwieġbu kummenti online. Kieku aħna nistaqsu: dan li se ngħid, dan li se nikteb, hu ta’ ġid jew se jagħmel id-deni? U nimxu ma’ dan li qed jgħid Ġesù, dak li kien jgħid anke San Ġorġ Preca b’sentenza “Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd”.

“Issalva ħajja jew teqridha?” Kemm hu importanti dan il-prinċipju, li aħna naħdmu biex insalvaw il-ħajja! Ħu, per eżempju, dak li qed nagħmlu bħalissa, anke fuq stedina tal-Papa Franġisku, meta naħdmu f’dan ix-xahar għall-protezzjoni tal-ħolqien. Aħna ngħidu: nieħdu ħsieb l-ambjent. Dan hu proprju biex insegwu dal-prinċipju ta’ Ġesù, għax meta jien inħares il-ħolqien, u ma nagħmel xejn li jeqred l-ambjent, qed insalva l-ħajja, mhux neqridha. Tant hija importanti għalina llum din il-mentalità favur il-ħajja umana, meta jkun hemm min ikun favur l-eliminazzjoni tal-ħajja umana, speċjalment meta hi l-aktar vulnerabbli.

Nitolbu lill-Mulej l-għajnuna tiegħu, speċjalment biex insegwu dan il-prinċipju li qalilna, u li hu tant sabiħ: li aħna f’ħajjitna nfittxu li nagħmlu l-ġid u li ma nagħmlux deni lill-oħrajn, li nfittxu li nsalvaw il-ħajja, u mhux neqirduha.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju  

Leave a Reply