Venezja … storja Imżewqa Mis-sagru …

Print Friendly, PDF & Email

Imma issa daqshekk fuq il-kamra tal-Provinċjal li, ma nafx l-għaliex, għoġobhom iqegħduni fiha. Ma nafx! Abbli ma kellhomx post ieħor għalija fil-lukanda!

Saru s-sitta u kwart ta’ filgħaxija. Il-ħin għall-quddiesa kien qed joqrob ġmielu. Niftakar li f’dak il-jum ma kontx qaddist. Għalhekk, x’ħin sirt naf li kellna l-quddiesa fis-sitta u nofs aqta’ kemm fraħt! X’jien jien mingħajr iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa? Xejn għajr platti jċekċku li jagħmlu l-istorbju li ma jwassal għal imkien. Jew forsi għall-istorbju li jagħmel aktar storjbu.

Ġie jħabbattli Francesco fuq il-bieb u t-tnejn inżilna flimkien fis-sagristija. Għaddejna minn xi kurituri li qatt ma rajthom jew rajt bħalhom qabel sakemm wasalna fis-sagristija. X’ħin dħalna nilmaħ kamra mdaqqsa mdawwla issemmix. Ħassejtni sewwa ħafna fiha! Id-dawl jogħġobni. Irridu! Ara d-dlam, kemm imarradni! Għax fid-dlam jibdew jiġu mweġġa’ in-nies minħabba l-egoiżmu u l-ħniżrija ta’ min fil-ħajja jrid jiġbed għalih biss u ma jħabbilx rasu minn kemm se jweġġa’ lil ħuħ u oħtu b’dak li jkun qed jikkonġura fil-moħbi kontra tagħhom.

Xi ħaġa mill-isbaħ li innutajt fis-sagristija tagħna l-Kapuċċini f’Venezja kienu l-irjus tax-xemgħa tal-qaddisin tal-Ordni tagħna. Għalkemm ma qagħadx ngħoddhom waħda waħda imma kien hemm mhux ħażin tafux! Għall-ewwel, meta rajthom, ħassejt tkexkixa tal-makabru tiġri ma’ ġismi kollu. Iżda mbagħad, meta qgħadt inħares lejhom sewwa, ma stajtx ma nammirax ix-xewqa ta’ ħuti l-patrijiet ta’ qabli li, bil-mod tagħhom, riedu jfakkru lil dawn in-nies qalbiena. Għax tabilħaqq ħbieb, biex tħalli lill-Mulej iqaddsek trid tkun qalbieni u qalbniena tafux! Fejn tafu x’kien hemm lest għalihom dawn l-aħwa la darba qabdu t-triq tal-qdusija! La darba bdew iħallu lill-Ispirtu s-Santu u mhux il-kalkoli midinba u mħanżra ta’ moħħhom, imexxuhom!

Wara li ġie kulħadd ħriġna għall-konċelebrazzjoni. Niftakar li konna mas-sitt saċerdoti nikkonċelebraw flimkien. L-attendenza għall-quddiesa, fi Knisja daqshiex, kienet miżera. Kważi kważi tgħoddhom fuq id waħda dawk li kien hemm preżenti għall-quddiesa dakinnhar. Biss, f’din il-Knisja, ħaġa sabiħa immens laqtitni fuq li laqtitni: kemm il-Knisja tal-Feddej l-aktar qaddis (bit-Taljan isibuha bħala s-Santissimo Redentore) kienet imdawla. Biex tridni ngħidilkom lanqas kien hemm bżonn li tinxtegħel il-Knisja għall-quddiesa. Għax x’hemm isbaħ ħuti minn meta ħajjitna tkun imdawwla bid-dawl tal-Mulej, id-dawl tal-qdusija, li hi l-umiltà u l-ħniena bil-kotra?

Il-Knisja tal-Feddej l-aktar qaddis, li qiegħdha fuq il-gżira ta’ Giudecca, eżattament f’Dorsoduro, kienet iddiżinjata mill-arkitett rinaxximentali Taljan Andrea Palladio. Din il-Knisja nbniet bejn l-1575 u l-1576 bħala ringrazzjament lill-Mulej mill-ħelsien tal-pesta li kienet ħabtet sewwa lil Venezja tant li prattikament ġabitha għarkupptejha. Mal-46,000 persuna, jiġifieri mat-30 fil-mija tal-popolazzjoni, kienu mietu b’din il-pesta qerrieda. Kien is-Senat tar-Repubblika ta’ Venezja li ikkummisjona lill-arkitett Andrea Palladio biex jiddiżinja din il-Knisja votiva. Għalkemm is-Senat xtaq li l-Knisja tkun ippjanata f’forma ta’ kaxxa Palladio kellu pjanijiet oħra. Fil-fatt, iddiżinja Knisja b’nava waħda bi tlett kappelli fuq kull naħa. Il-pożizzjoni prominenti tagħha fuq il-Canale della Giudecca tat lil Palladio l-opportunità li jiddiżinja faċċata li kienet ispirata mill-Pantheon ta’ Ruma. Il-Knisja issuktat tispikka minħabba li kienet impoġġija fuq sisien wesgħin. Palladio iddiżinja ħmistax-il tarġa biex wieħed seta’ jasal għall-entratura tal-Knisja. Dan l-arkitett wettqu biex ifakkar fil-ħmistax-il tarġa li kienu jagħtu għat-Tempu ta’ Ġerusalemm. Barra minhekk, b’dawn it-tarġiet Palladio ried iwassal il-messaġġ li t-tlugħ tal-Insara għal din il-Knisja jinħtieġ li jkun bil-mod. B’hekk huma u jitilgħu t-taraġ tal-Knisja jgħinhom jikbru aktar fit-talb. 

L-ewwel ġebla ta’ din il-Knisja kienet imqiegħdha mill-Patrijarka ta’ Venezja Giovanni Trevisano nhar it-3 ta’ Mejju 1577. Il-bini kien ikkonsagrat fl-1592. Wara l-appelli urġenti tal-Papa Girgor XIII, hekk kif il-Knisja kienet ikkonsagrata konna aħna l-Kapuċċini li ġejna mitluba naqdu fiha. Sallum fraternità ta’ aħwa Kapuċċini tgħix fil-kunvent li jinsab biswitha.

Minħabba li qegħdha eżattament max-xatt ta’ Giudecca din il-Knisja tiddomina għal kollox din il-gżira. Il-Knisja hi membru tal-Għaqda tal-Knejjes Venezjani u fiha hemm numru ta’ xogħlijiet minn artisti kbar li ħadmu wkoll fil-Palazzo Ducale bħal Tintoretto, Paolo Veronese u Francesco Bassano.

Kull sena d-Doge u s-senaturi kienu jimxu matul pontun li kien jiġi mibni apposta miz-Zattere (jew Fondamenta delle Zattere minfejn wieħed jista’ japprezza l-gżira ta’ Giudecca u t-teżori tagħha, bħall-Knisja tagħna l-Kapuċċini tas-Santissimo Redentore) sal-Giudecca bil-għan li jmorru għall-quddiesa fil-Knisja. Il-Festa tas-Santissmu Redentur tibqa’ waħda mill-festi ewlenin fil-kalendarju Venezjan. Din tiġi iċċelebrata fit-tielet Ħadd ta’ Lulju. Lejlet il-festa filgħaxija ikun hemm ħarqa tajba ta’ logħob tan-nar u wara jkun hemm iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tul il-pontun.  

Il-quddiesa li ikkonċelebrajt fiha kienet tassew sabiħa. Kollox deher jagħmel sens. Ma kienx hemm talb fit-tul. U s-skiet lagħab parti importanti f’din iċ-ċelebrazzjoni daqshekk sabiħa. Wara t-tqarbin bqajna fis-skiet. Kull darba li bexxaqt ftit għajnejja ħassejtni niġi maħtuf minn dan l-ispazzju tassew sabiħ, ileqq, nadif, ħafif, ħieles u miftuħ kemm tridu. X’immensità ta’ ħelsien hux hu l-Mulej! U kemm jagħti ħelsien lil min tassew jistkenn fih!

Wara l-quddiesa ġie fuqi Francesco u qalli biex minn dak il-ħin sa ħamsa u erbgħin minuta wara stajt immur fil-ġnien kbir tal-kunvent ħa niffriska ftit ruħi. U dak hu li għamilt. Irħejtilha fis-skiet lejn il-ġnien. X’ħin inżilt lanqas ridt nemmen lil għajnejja li, Patri Mario, naqra ta’ Patri ġej minn pajjiż u kunvent ċkejken ċkejken u magħluq magħluq, kellu jsib ruħu f’dak l-ispazzju ta’ ħelsien, sliem u ħajja bil-kotra! F’dik l-arja li tagħtini mitt ħajja f’daqqa!

X’ħin bdejt miexi f’dan il-ġnien meraviljuż u spazzjuż nara wieħed mill-partijiet tagħna, mill-Angola, idur hu wkoll mal-ġnien bil-kuruna f’idejh. X’sinjal kien għalija li jien noħroġ minn ġol-but taċ-ċoqqa tan-naħa tal-lemin il-Kuruna tar-Rużarju lewn il-ħamrija u li Ommna Marija, f’Medjugorje, kienet berkitli! Għalhekk, u misjuq mill-eżempju ta’ dan il-Patri bil-għaqal, jien ukoll bdejt inħalli lill-Mulej jifdili l-ħin bit-talba tassew sabiħa tar-Rużarju Mqaddes.

Il-passi li bdejt nagħti ħaduni l’hawn u l’hemm, l’isfel u l’fuq, tal-ġnien. Niftakar li meta bqajt sejjer miexi dritt quddiemi kelli dehra tassew sabiħa ta’ gżira oħra f’Venezja filwaqt li minn wara dahri kelli dehra mill-isbaħ tal-koppla tal-Knisja tas-Santissmu Redentur, xogħol tal-ġenju ħabibna Antonio Palladio. Aktar ma bdejt nimxi ‘il quddiem aktar wasalt ħdejn post tassew ħelu, eżattament ħdejn port ċkejken ċkejken u moħbi f’garaxx fejn kien hemm tlett dgħajjes li l-patrijiet u l-istudenti tagħna Kapuċċini jużaw biex jivvjaġġaw bihom. L-aktar waħda li bqajt niftakar kienet dik iddedikata lil Papa San Ġwann XXIII. Meta kien Patrijarka ta’ Venezja l-Papa Buono kien iħobb iżur lill-patrijiet tagħna kull nhar ta’ Sibt. Tgħid b’kumbinazzjoni li iltqajt ma’ din id-dgħajsa l-Ġimgħa filgħaxija, lejlet is-Sibt?

Għalkemm mhux xogħli li nkun naf it-tweġiba ta’ dan ħaġa waħda naf … Li meta tlett kwarti wara tlabt it-talba tal-Għasar ma’ ħuti fil-kor aqta’ kemm ħassejtni ferħan u mimli kuraġġ! U kemm ħassejt li għamlu tabilħaqq sens f’ħajti l-kliem li ma jmut qatt ta’ Salm 84!

Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti! Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej; ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj. Sal-għasfur isib fejn jgħammar, u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-artali tiegħek; hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha, Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! Henjin dawk li jgħammru f’darek; huma jfaħħruk għal dejjem...  Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek aħjar minn elf jum f’post ieħor; aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena (S 84:2-5.11).

Venezja … storja mżewqa bis-sagru …

Patri Mario Attard OFM Cap