Villa San Lawrenz f’idejn il-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Mill-1 ta’ Settembru 2021, Villa San Lawrenz, dar residenzjali għall-anzjani fir-raħal Għawdxi li jġib l-istess isem, bdiet uffiċjalment tiġi amministrata mid-Djoċesi ta’ Għawdex.

L-intenzjoni tal-Knisja f’Għawdex hi li tinħoloq kumpanija fi ħdan il-Kurja Djoċesana li tmexxi din id-dar u oħrajn simili amministrati mill-Knisja. Hekk tkompli titjieb il-kura mogħtija u jsir l-investiment meħtieġ sabiex Villa San Lawrenz u djar oħra simili jitmexxew b’mod aktar professjonali, is-servizzi mogħtija jitjiebu, u jsir l-investiment li hemm bżonn sabiex dawn id-djar ikunu aktar akkoljenti u aċċessibbli skont il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal- klijenti u fl-istess ħin attrezzati għaż-żminijiet tal-lum.

Għal din l-okkażjoni l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru ċċelebra quddiesa fil-kappella ta’ Villa San Lawrenz fejn fl-omelija qasira lill-anzjani preżenti rringrazzjahom ta’ ħidmiethom u tal-mod kif ħabbew u rabbew il-familji tagħhom, u fissrilhom kif issa dik l-istess imħabba trid tiġi rreċiprokata f’dan il-perjodu partikulari ta’ ħajjithom.

Fi tmiem il-quddiesa, is-Sa Carmen Bellamy f’isem il-Gozo CCU Foundation ippreżentat lil Villa San Lawrenz AED għall-użu f’każ ta’ emerġenza.

Wara, iltaqa’ għall-ewwel darba l-Bord ta’ tmexxija tad-djar imsemmija, maħtur mill-Isqof Teuma, u li għandu lis-Sur Paul Buttigieg bħala s-CEO il-ġdid tiegħu.

Villa San Lawrenz ilha topera bħala residenza għall-anzjani sa mill-2011. L-ewwel ġebla tagħha kienet tqiegħdet minn Ugo Mifsud Bonnici, President ta’ Malta, f’Diċembru 1996. Inbniet bil-ħidma tal-Kappillan Dun Mikiel Borg u minn bosta voluntiera minn San Lawrenz li huma stess kienu ħolqu barriera fejn kien qed jinbena ċ-Ċimiterju tar-raħal u minnha qatgħu l-ġebel għall-bini ta’ dar tal-anzjani.

Leave a Reply