Venezja … Storja li tkompli …

Print Friendly, PDF & Email

U dħalt fil-Bażilika ta’ San Marco! Xi ġmiel ta’ możajċi hemm! Eżattament fil-portiku tal-Knisja tinstab l-istorja tal-ħolqien tal-bniedem. Jiġifieri meta aħna l-bnedmin konna għadna innoċenti. X’għad baqa’ minn din il-ġrajja ħbieb jekk mhux il-kunjom Taljan Innocenti?

U dħalt. U qbadt mixjieti lejn in-nava tal-lemin. Inħares ‘il fuq u kollox kien fuq sfond tad-deheb! Kulfejn indawwar wiċċi ħlief lewn safrani tad-deheb ma rajtx! Għax l-isfond ma jitħadditx bla kont! L-isfond iwassal il-qalba tal-messaġġ. Li, għal min ikun qed jarah b’qalb miftuħa u mhux kif ġie ġie, ikun qed jitfagħlu tas-sema r-raġġ! U liema raġġ kien qed jitfagħlu jekk mhux dak tas-Saltna tas-Smewwiet? Li hi s-Saltna tal-eterni ħlewwiet?

Bqajt miexi tul din il-Bażilika tant sabiħa li, f’dak il-waqt, aktar milli kienet id-Dar tal-Mulej aktar stħajjiltha mużew mill-isbaħ tal-możajċi. U n-nies ikellmu lin-nies. Waħda minn dawk li kienet qed tieħu ħsieb x’ħin ratni biċ-ċoqqa ma felħitx ma tferrax xi naqra qalbha. X’tagħmel hux iċ-ċoqqa! Itlob għalija Patri, talbitni. Kelli nħassar wara seba’ snin mal-ġuvni li kelli. Kif kulħadd ibati hux! Anki l-Venezjani. Iwa! Minn qalbi, dlonk weġibtha. Iebsa hux wara seba’ snin li ilkom tafu lil xulxin. Ma damitx togħmodha. Jekk ma kienx aħjar għalija aħjar ġara hekk Patri, weġbittni deċiża deċiża t-tfajla Venezjana. Ammirajtha! Kemm taf xi trid minn ħajjitha!

U wara li bqajt indur xi ħadd indikali l-Kappella tas-Sagrament f’każ li rrid nitlob. Kemm ħadt gost għal din l-indikazzjoni! Altru ridtx nitlob! Kemm fittixt li nitlob waqt li kont qed indur! Imma issa l-okkażjoni ippreżentat ruħha fuq platt tad-deheb u ma stajtx ma naħtafhiex minn qalbi. Dħalt u qattajt ftit ħin mal-Maħbub ta’ qalbi. Striħajt miegħU għax ulied Adam u Eva dejjem tqal għax imtaqqla imsieken. Nista’ nagħtihom tort jekk dejjem jippruvaw jipproteġu lilhom infushom f’kollox? Wara kollox bnedmin huma. Imma, u naħseb li se taqbel miegħi, anki hawn, iż-żejjed kollu żejjed! Jien ngħix mhux għalija nnifsi imma għal ħaddieħor. Mela l-punt fihmnieh sieħbi!

X’ħin ħriġt minn hemm u kellimt lill-mara tal-bieb reġgħu tfaċċaw il-qassis u x-xiħa! Issa riedet tkun taf minfejn tidħol fil-Kappella għax rat il-Patri dieħel hemm qabilhom! U fejn imur il-Patri irridu immorru aħna! Intant … Erġajt tbissimt u għedtlu: Grazzi Mulej li tagħtini l-grazzja li nilbes iċ-ċoqqa. Almenu ħaddieħor jiekol naqra ċ-ċirasa mill-kejk. Inkella, bla ċoqqa, ħafna jmutu għall-boqqa! U iwa ħbieb! L-aqwa li l-Mulej jagħmlilna l-ġid. Jalla l-mawra tagħhom fil-Kappella kienet ta’ grazzja kbira għalihom u għal min iltaqa’ magħhom! Xtaqt erġajt rajthom, alemu fil-pjazza. Imma aqta’ kif lebbtu ‘l hemm! U hekk, il-qassis u x-xiħa, għebu minn ħajti u saru biss persuni tal-istorja!…

X’ħin ħriġt mill-Bażilika griżmejja kienu qoxqox. Għalhekk ħassejt il-bżonn li nfittex post ħa nixtri mqar boqqa ilma. Tinsiex li qiegħed Venezja Patri. Hawn mhux Padova! Dak kien il-leħen ġewwieni li sammarni f’dak il-waqt. Għalhekk, wara li berikt minn qalbi Piazza San Marco għamiltilha bye bye ħelu ħelu. Almenugħall-mument! U dħalt f’wieħed mit-toroq ferm dojoq tagħha.

Staqsi minn hawn u staqsi minn hemm, wara xi żewġ kantunieri, il-Mulej tani l-grazzja li nsib wieħed tal-ġelat. Kien żagħażugħ minn tagħna ħafna. U, il-prezzijiet tiegħu tal-ġelat kienu li tista’ tilħaqhom bix-xlief tar-raġuni. Insomma, għalina l-ħaddiema tal-istiva. Biżżejjed ngħidilkom li b’erba’ ewros tani tlett boċċi kbar ġelat! Tajjeb hux! F’Venezja qegħdin! Xi tjubija ta’ ġelat! Kemm iffriskani minn ġewwa! Imma, wara l-ġelat, jibda’ ġej l-għatx! Allura flixkun ilma daqshiex bi tlett ewros oħra ikkargani ħa nkun nista’ nissokta indur ma’ din il-Belt tal-ħolm.

Wara li kilt u xrobt erġajt irħejtilha, frisk frisk, lejn Piazza San Marco. Fuq in-naħa tax-xellug tal-Bażilika rajt statwa ħelwa ta’ iljun daqshiex lewn il-ħamrija. Xi ħaġa ġewwa fija qaltli biex nieqaf u nieħu ritratt miegħu. Imnalla li f’dak il-ħin fil-Piazza kien hemm koppja ħelwa Ingliża minn Londra li offriet lil Patri li toħodlu ritratt mal-iljun ta’ San Mark! Fl-ewwel ritratt kont naqra stirat. Għalhekk, x’ħin rajtu, aqta’ kif twerwirt minni nnifsi. Imma fit-tieni ritratt kont Patri Kapuċċin għax poġġejt żewġt iswaba f’ħalq l-iljun! Bla biża ta’ xejn! U l-iljun, miskin, tant kemm qagħad kwiet li spiċċajt daħħalt idi x-xellugija sħiħa f’ħalqu! Issa qed nifhmek sewwa għażiż Missieri Franġisku kif kont tħabbibt mal-lupu ta’ Gubbio! X’ma nħobbokx! Kemm taqlini bl-eżempji qaddisa tiegħek, à la carte!!!

Din id-darba qammarli nidħol fil-Palazzo Ducale. Għalkemm kien hemm serbut imdaqqas din id-darba l-affari kienet bil-wisq aħjar minn dik tal-Bażilika. Issa konna fid-dell u faċċata tagħna kellna l-baħar! Fil-kju l-Mulej laqqagħni ma’ familja ħelwa Ġermaniża. Kemm kellhom uliedhom edukati! U, milli stajt nifhem, it-tifel il-kbir jidher li hu xjenzat li qed isir bil-mod il-mod. Kemm hu sabiħ meta tara tfal li jħobbu jitgħallmu u jkunu maturi, avolja f’età daqshekk żgħira! Ma setgħux ma joħorġux hekk dawn it-tfal. Il-ġenituri tagħhom jidhru nies serji u tal-affari tagħhom ħafna. Sabiħ hux meta tiltaqa’ mal-għaqal!

Wara li tħadditna għal ftit ħin mhux ħażin ħallasna l-biljetti u kulħadd telaq għal rasu. Tal-biljetterija qaluli li b’dak il-biljett mal-Palazzo Ducale stajt nara ukoll il-magħruf mużew li joffri għarfien mill-aqwa fl-arti u fl-istorja tar-Repubblika ta’ Venezja, il-Correr. Tal-biljetterija tawni mobile apposta biex nisma’ il-kummentarju tas-swali kollha li kont se ndur. Wara li żort il-bitħa u xi kurituri dħalt fil-famuż kuritur li tant ingħata importanza fil-famuż dokumentarju ta’ Alberto Angela dwar Venezja.

U, sewwasew fil-bidu tal-kuritur, nara mal-ħajt waħda mill-famużi Bocche di Leone jew, kif nafuhom aħjar bid-djalett Venezjan, Boche de Leon. Jekk l-iljun li ltqajt miegħu fi Piazza San Marco ma jiċċaqlaqx miskin għax tal-ġebel u ħalqu hu għalija mitraħ tal-mistrieħ dawn il-ħluq tal-ljun kienu feroċi issemmix! U jqattgħu daqs il-labar, is-snanar, il-lanez u l-vleġġeġ f’daqqa! Dan l-għaliex dawn il-ħluq tal-iljun kienu jilqgħu fihom kull xorta ta’ akkużi sigrieti. Fihom persuni setgħu jakkużaw persuni oħra. Is-sabiħa hi li dawn il-Bocche di Leone kienu mferrxa mal-Belt kollha. Araw x’poter u x’saħħa kellhom min kien imexxi! Id-Doge u l-Kunsill tiegħu!

Nafu biżżejjed l-uġiegħ, it-torturi u l-eżekuzzjonijiet li seħħu minħabba fihom. Għax meta l-maġistrat kien jidħol fl-istorja ħoll xagħrek u ġib iż-żejt! Meta rajt din il-biċċa xogħol aktar u aktar stajt nagħti piż lill-kelma ta’ Ġesù meta tani u tak dan il-parir li ma jmut qatt: U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa? Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba (Lq 12:57-59). Tgħid le Bocche di Leone ma jeżiżtux fil-politika, fil-Knisja, fil-familja, fil-kunvent, fost il-ħbieb u l-bqija? U intom minfejn taħsbu li ġejja li llum ħadd ma jafda lil ħadd? Mhux għax hawn wisq ħluq tal-iljun, Bocche di Leone, madwarna?

Venezja Venezja, mill-Palazzo Ducale tiegħek, kemm tgħallimni dwar il-ħajja vera! … Inti għalija, ja maħbuba Venezja, storja li tkompli? …

Patri Mario Attard OFM Cap