Qari ta’ Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

Ħamis ix-Xirka

Il-Quddiesa tal-Griżma

Qari I

Il-Mulej ikkonsagrani b’żejt ta’ ferħ.

Is 61, 1-3a.6a.8b.9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

bagħatni ndewwi l-qalb miksura;

biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs;

biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej,

u jum il-vendetta ta’ Alla tagħna;

biex infarraġ lill-imnikktin;

biex inferraħ lil dawk li jibku f’Sijon,

nagħtihom kuruna flok irmied,

żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu,

l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.

Lilkom isejħulkom il-qassisin tal-Mulej,

qaddejja ta’ Alla tagħna isemmukom.

Jien bis-sewwa nħallashom,

u nagħmel magħhom patt għal dejjem.

Nisilhom ikun magħruf fost il-ġnus,

u wliedhom qalb il-popli.

Kull min jarahom jagħrafhom

li huma nisel imbierek mill-Mulej.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 21-22.25.27

R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

Sibt lil David, qaddej tiegħi,

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

tkun idi dejjem miegħu,

u nsaħħu wkoll bi driegħi. R/.

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tjieba tiegħi;

b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

Hu jsejjaħli: “Int missieri u Alla tiegħi,

fortizza u salvazzjoni tiegħi!” R/.

Qari II

Kristu għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru.

Apok 1, 5-8

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Grazzja lilkom u sliem mingħand Ġesù Kristu, ix-xhud fidil, il-kbir fost il-mejtin, il-prinċep tas-slaten tad-dinja. Lil Dak li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna, bis-saħħa ta’ demmu, u li għamilna saltna, qassisin għal Alla tiegħu u Missieru, lilu l-glorja u s-setgħa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Arawh ġej fis-sħab u l-għajnejn kollha jarawh, ukoll dawk li kienu nifduh; u r-razez kollha tal-art jibdew iħabbtu fuq sidirhom minħabba fih. Iva. Ammen! Jiena huwa l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li għad irid jiġi, Dak li jista’ kollox.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Is 61, 1

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani.

Lq 4, 16-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’Nazaret, fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Ħamis ix-Xirka

Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej

Qari I

Preċetti dwar l-ikla tal-Għid.

Eż 12, 1-8.11-14

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron fl-art tal-Eġittu, u qalilhom: “Dan ix-xahar ikun għalikom l-ewwel fost ix-xhur, ikunilkom l-ewwel xahar tas-sena. Kellem lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u għidilhom: “Fl-għaxra ta’ dan ix-xahar kull wieħed minnkom jieħu ħaruf kull familja, wieħed kull dar. Jekk il-familja tkun żgħira wisq biex tikluh kollu, wieħed jieħu l-ħaruf flimkien mal-ġar tiegħu, l-eqreb lejn daru, skont in-numru tan-nies; skont kemm kull wieħed jiflaħ jiekol, hekk tqisuh il-ħaruf.

Il-ħaruf ikun bla difett, raġel, ta’ dik is-sena. Tistgħu tieħdu min-nagħaġ jew mill-mogħoż. Intom iżżommuh sal-erbatax ta’ dax-xahar, meta l-ġemgħa kollha ta’ dar Iżrael toqtlu bejn inżul ix-xemx u d-dlam. Imbagħad jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh. F’dik il-lejla għandhom jieklu l-laħam mixwi, b’ħobż bla ħmira, u b’ħaxix morr. U tikluh hekk: qaddejkom imħażżma, bil-qorq f’riġlejkom u l-ħatar f‘idejkom; u tikluh bl-għaġla. Din hi l-mogħdija tal-Mulej! Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art tal-Eġittu u nidrob lil kull min hu l-ewwel fost l-imwelldin fl-art tal-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha tal-Eġittu: Jien, Jaħweh!

Id-demm ikun bħala sinjal tagħkom fuq id-djar fejn tkunu, u jien xħin nara d-demm nibqa’ għaddej, u ebda marda ma tiġi teqridkom meta jien nidrob l-art tal-Eġittu. Dak il-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u intom tħarsuh bħala festa tal-Mulej; iżżommu din l-osservanza bħala liġi għaż-żminijiet kollha li ġejjin”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18

R/. Il-kalċi mbierek huwa xirka mad-demm ta’ Kristu

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.

Jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi. R/.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ.

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu. R/.

Qari II

Kull meta tieklu u tixorbu, ixxandru l-mewt tal-Mulej.

1 Kor 11, 23-26

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom, jiġifieri, li l-Mulej Ġesù, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll għamel bil-kalċi, wara li kiel, qal: “Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi; agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi”.

Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 13, 34

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Nagħtikom kmandament ġdid,

jgħid il-Mulej:

li tħobbu lil xulxin, bħalma ħabbejtkom jien.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Ħabbhom għall-aħħar.

Ġw 13, 1-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar.

Kienu qegħdingħall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferra’ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu.

Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?”. Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem”. Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi”. Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll”. Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll”. Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal: “M’intomx ilkoll indaf”.

Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. 15Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu