Ir-ritorn tat-Taliban

Print Friendly, PDF & Email

Bħalissa l-aħbarijiet internazzjonali jinstabu iddominati mill-aħbar li t-Taliban, wara għoxrin sena, ħadu mill-ġdid f’idejhom l-Afganistan. Ħafna baqgħu mistagħġba bil-ħeffa ta’ kif dan seħħ.

Ħafna Afgani qed jaħarbu minn pajjiżhom l-għaliex qed jibżgħu minn dak li hemm lest għalihom. Ma’ dan bdew deħlin ukoll rapporti ta’ arresti, torturi u eżekuzzjonijiet mir-reġim tat-Taliban. Dan kollu jissokta jtaqqal ix-xena ta’ dan il-pajjiż u anki dik internazzjonali. Diġà qed nissieltu mal-pandemija tal-covid-19 issa kellha tfaqqa’ din ukoll!

Mit-twila sal-qasira l-umanità ma tistax issib paċi. Hawn min jaħseb li l-paċi se jġibha bil-fundamentaliżmu reliġjuż, bir-riġidità u bil-liġi li ma tafx bi ħniena, tant li taħqar u toqtol lill-irġiel, nisa u tfal innoċenti. Hawn min moħħu jpasparlu li l-paċi se tiġi jekk naqbdu xi interpretazzjoni ta’ reliġjon u nitfugħha bilfors fuq kulħadd inkella hemm ix-xabla lesta. Jaħasra! Kif ma nitgħallmu qatt? Kif ma nindunawx li aktar ma jkun hemm vjolenza aktar issir vjolenza? Kull min jaqbad is-sejf [mhux] bis-sejf jinqered (Mt 26:52)?

Fl-enċiklika mill-isbaħ tiegħu dwar il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, Fratelli Tutti, Papa Franġisku jagħtina t-triq tal-fejqan:

Aħna u naraw kif kull xorta ta’ intolleranza fundamentalista qed tagħmel ħsara kbira lir-relazzjonijiet bejn persuni, gruppi u popli, ħa nħabirku biex ngħixu u ngħallmu l-valur tar-rispett, l-imħabba li taf tilqa’ kull differenza, il-prijorità tad-dinjità ta’ kull persuna fuq kull idea, sentiment, prassi u saħansitra dnubiet tagħha. Waqt li fis-soċjetà tagħna qed jixterdu l-fanatiżmi, l-ideat magħluqa u l-frammentazzjoni soċjali u kulturali, politiku tajjeb imidd hu l-ewwel pass biex jidwu mill-ġdid il-diversi ilħna. Huwa minnu li d-differenzi jġibu kunflitti, imma l-uniformità taqta’ n-nifs u biha nispiċċaw nibilgħu lil xulxin kulturalment. Ejjew ma nirrassenjawx ruħna li ngħixu magħluqa f’biċċa biss mir-realtà (nru.91).

L-ewwel valur importantissmu hu r-rispett. Li għandu jkun reċiproku, mhux naħa waħda biss. Inkella ma jkun rispett xejn. It-tieni, l-imħabba għandha tilqa’ lil kulħadd. B’daqshekk ma jfissirx li tieħu l-opportunità u toppressa lili li qed nagħtik nifs lanqas! Mela tgħallem agħti nifs lili wkoll ħija, oħti. Jinħtieġ nitgħallmu ngħixu flimkien bir-reliġjonijiet u l-kulturi diversi tagħna. Inkella l-ħafna priedki u kitbiet dwar tolleranza u rispett ikunu paroli fil-vojt u qerq.

Il-veru imħabba u rispett iseħħu meta nħallu lill-persuna tiddeċiedi għaliha nnifisha f’hiex għandha temmen jew tieqaf temmen. Kull indħil, theddid u saħansitra qtil ta’ persuni għax iddeċidew skont il-kuxjenza tagħhom li jibdlu twemminhom hu att kriminali li l-liġi għandha tieħu passi ħorox fuqu.

Il-Mulej ħalaq lill-bniedem liberu. Ejjew naħdmu għal din il-libertà ta’ ulied Alla!

Patri Mario Attard OFM Cap