Insellimlek Fr Nicholas! …

Print Friendly, PDF & Email

Kont għadni kif wasalt mill-Bel Paese meta tarrfuli li għaddejt għall-ħajja ta’ dejjem. Waqt il-mixja tas-soltu li tagħtini wisq ir-ruħ!

U jien, għarqan għarqan, u boċċu boċċu, waqaft. U smajt … U qalbi tqâlet bin-niket. U nfilġet ukoll! Jiddispjaċini ħafna li ħallejtna f’qasir il-għomor! Nemmen li stajt tagħti fuq li tagħti ħafna aktar milli tajt. Imma l-minġel tal-mewt kiefer wisq! Bis-salvaġiżmu tiegħu jaqta’ fejn ġie ġie u fil-laħam il-ħaj!

U, mal-qatgħa ta’ ħajtek hekk sabiħa fl-art tal-ħajjin, ħarġet is-sustanza ta’ tifkirietek. Li, meta biss niftakar fihom, ipinġuk f’dawl tant sabiħ u ta’ grazzja. Minix il-Mulej għażiż Fr Nicholas. Għalhekk f’idejh inħalli l-verdett. Imma, b’dawn il-kelmiet, nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lejk għal dawk il-mumenti fejn il-ġesti ħelwin u sempliċi tiegħek għalija fissru ħafna.

L-ewwel nett, niftakrek tkun l-għalliem tiegħi fl-università. Għadni niftakarhom dawk l-awturi li kont issemmilna, bħal Sandra Schneiders u Elena Bosetti. Bħalma niftakar anki meta għedtilna li l-għeluq tat-teżi tad-dottorat tiegħek ktibtu f’nofsiegħa! Xi ħaġa tabilħaqq tal-għaġeb! Imbagħad ma nistax ma niftakarx il-mod ħelu tiegħek, mimli sabar u ċar, li bih kont tgħallimna fil-kors tal-Liċenzjat. Insomma, veru spiritwalità!

Għadni napprezza li kont tiġi liebes bil-clergy. Kont tagħrfek li int saċerdot! Dejjem pulit, nadif, organizzat u metikoluż. Għalija, Patri Franġiskan Kapuċċin, dan kollu hu ta’ barka. Għax iżewwaq l-għana ta’ dak li l-Mulej jagħtini bl-Ordni tiegħi stess. U, taf int, it-tisjira mhix kwistjoni ta’ wirja imma ta’ tiħwira! U, it-tiħwira tagħmel it-tisjira kbira!

Barra minn dan kellek xi ħaġa oħra li lili kienet taffaxxinani ħafna fik: kif kien jirnexxielek toħodna minn din id-dinja u iddaħħalna fil-misteru ta’ Kristu. Hawnhekk ma nistax ma naqlagħlekx il-kappell bl-apprezzament u dan inwettqu immedjatament! Għax, ara kemm ngħidu, il-logħba qegħdha kif nidher quddiem il-Mulej Alla u mhux quddiem xi artal jew kampnar!

Għażiż Fr Nicholas, virtù oħra li tolqotni fik hi d-determinazzjoni. Li biha stajt tasal għall-vera azzjoni! Jiġifieri, dik l-azzjoni li tħalli l-ġid għax il-kuraġġ iżżid! Kollox u dejjem fid-dixxerniment li jagħmel minn ħajjitna tal-imħabba s-sagrament! Fr Nicholas, inħossok bħalissa qed tgħidli: Ibqa’ miexi ‘il quddiem fil-ħajja li qatt ma teqdiem għax tagħtina l-aqwa sliem!

L-aħħar ħaġa li rrid ngħidlek hi li b’ħajtek għallimtni t-talb li jagħmilni Kapuċċin tal-qalb! Għax it-talb u l-orazzjoni jinsġu lil ħajti fl-imħabba li tintwera fl-attenzjoni!

U, filwaqt li nħallik f’tal-Mulej il-verdett li hu ħanin u rett, u jien nitlob għalik u int għalija, nixtieq minn qalbi ngħidlek: Insellimlek Fr Nicholas! …

Patri Mario Attard OFM Cap