M’aħniex Knisja tal-perfetti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 17 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tal-erbgħa u għoxrin ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

San Luqa jurina lil Ġesù jdur l-ibliet u l-irħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Mill-bidu tal-missjoni tiegħu, Ġesù kien ċar li hu ma ġiex għal poplu wieħed, jew għal lokalità waħda, imma biex l-Evanġelju jixtered qalb popli differenti, u għalhekk kien idur l-ibliet u l-irħula.

Hawnhekk, lil Ġesù ma narawhx waħdu, imma narawh flimkien mat-tnax u xi nisa – li San Luqa jsemmiehom hawn – u xi wħud oħra, li kienu miegħu. Ġesu għamel din l-għażla, li ma jkunx waħdu imma li jkollu dan il-grupp ta’ nies miegħu. Għalhekk dawn in-nies differrenti li kienu jakkumpanjawh fil-missjoni tiegħu.  

X’naraw f’dan il-grupp? Hu grupp ikkulurit, anke jekk tieħu t-tnax waħedhom. Diġà tipi differenti, karattri differenti; imbagħad żdiedu wkoll nies oħra, bħal dawn in-nisa li kienu bbenefikaw mill-ministeru ta’ Ġesù u ddeċidew li jimxu miegħu. Għandna grupp imħallat. Ġesù ma għażilx xi tip ta’ nies minn stat soċjali partikulari, jew nies imlaħħqin, imma nies ta’ ħajja ordinarja flimkien, biex mill-bidu juri b’mod ċar li hu ġie għal kulħadd, u l-istess nies li jakkumpanjawh kienu nies ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja ordinarja.

X’naraw ukoll f’dan il-grupp? Tolqotna hawnhekk il-preżenza ta’ dawn in-nisa. San Luqa jsemmi tlieta minnhom hawnhekk – Marija ta’ Magdala, Ġwanna u Susanna – u jgħid li kien hemm oħrajn, li kienu jaqdu lill-komunità minn ġidhom. Dan hu eżatt kontra dak li smajna fl-Ewwel Qari, fl-Ittra ta’ San Pawl lil Timotju, fejn jgħid li r-regħba għall-flus hi l-għerq ta’ kull ħażen. Dawn kienu nies ġenerużi. Il-komunità dejjem hekk inbniet – bil-ġenerożità tal-poplu. Dawn in-nisa kienu jakkumpanjaw lil Ġesù. Kienet xi ħaġa mhux daqshekk komuni hemmhekk. Niftakru fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu 4, meta Ġesù kien qed jitkellem mal-mara samaritana, u ġew id-dixxipli u l-Evanġelista jgħid: “stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara”. Hawn in-nisa kienu qed jakkumpanjawh fil-missjoni tiegħu. Ġesù ried juri li kull persuna għandha d-dinjità tagħha, għaliex meta Alla ħalaq il-bniedem, kif naraw fil-Ġenesi, ħalaq raġel u mara. Għalhekk m’hemm ħadd li hu ta’ xi grad inqas. Kulħadd għandu din id-dinjità u Ġesù jrid juri li hekk għandha tkun il-komunità li hija l-Knisja.

Din il-kelma tgħallimna ħafna għall-ħajja tagħna. Turina li aħna fil-Knisja għandna nagħtu s-sehem tagħna, għax ilkoll – kull wieħed u waħda minna –  imsejħin biex nissieħbu ma’ Ġesù u nħalluh imexxina hu. Din hi importanti: li aħna nagħrfu naċċettaw lil xulxin bil-kaatteristiċi differenti tagħna, tipi differenti, karattri differenti. Aħna lkoll niffurmaw il-Knisja.

Jekk tiġini t-tentazzjoni li nagħmel l-affarijiet waħdi, inħares lejn Ġesù li għażel dawn in-nies biex jakkumpanjawh. Jekk ikolli t-tentazzjoni li nagħżel madwari nies ta’ ċertu stat soċjali, jew irrid lilhom biss, niftakar li  Ġesù għażel nies ta’ ħajja ordinarja biex ikunu miegħu. Jekk tiġini t-tentazzjoni li ma nirrispettax in-nisa fil-ħajja u l-ħidma tal-Knisja, niftakar f’Ġesù li dejjem wera dak ir-rispett sħiħ. Jekk tiġini t-tentazzjoni li naħseb li l-Knisja hi ffurmata minn nies perfetti, niftakar li sa mill-bidu hekk kienet u hekk tibqa’: qatt ma hi Knisja tal-perfetti, imma hija Knisja tal-midinbin. Aħna lkoll midinbin li nagħrfu lil Alla li jsalvana, hu jġeddidna u joħroġna mill-ħażen tagħna. Għalhekk aħna salvati minnu.

Nitolbu lil Alla, ispirati minn din il-kelma tiegħu, li aħna nagħrfu naċċettaw lil xulxin, nikkollaboraw ma’ xulxin, bil-karattri differenti li għandna fi ħdan il-Knisja; imma wkoll fuq kollox li nkunu kollaboraturi tal-Mulej Ġesù, għax din il-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju hi ħidma tiegħu, trid tibqa’ tiegħu, biex permezz ta’ din il-ħidma tasal is-Saltna ta’ Alla.  

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply