Il-laqgħa mal-istudenti Kapuċċini

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tlieta, 10 t’Awwissu 2021, festa ta’ San Lawrenz levita u martri, għax ħarquh ħaj, għalija kien jum li ma ninsieh qatt. Fil-11.00 kelli laqgħa mal-istudenti tagħna l-Kapuċċini fil-Kunvent tagħna tal-Kalkara.

Wara li Patri Joe ġentilment wassalni mill-Knisja ta’ San Ġużepp fil-Kalkara stess, għall-ħabta tal-10.30 kont diġà qed inħabbat il-bieb tal-kunvent. Ma domtx nistenna wisq l-għaliex Br Miguel u Br Ryan malajr ġew jiftħuli. Ħadt gost immens nara lil dawn iż-żewġ ħuti Kapuċċini, lill-Gwardan u d-direttur tal-istudenti u wieħed mit-tlett studenti tagħna. Dak li konna nkantaw flimkien meta konna postulanti mal-Kapuċċini, Oh x’ħaġa ħelwa hu sabiħa li l-aħwa jgħammru flimkien, ħassejtu jitħeġġeġ ġewwa fija.

Sabiħa meta tmur f’kunvent bħal dak tal-Kalkara! Kemm għandi tifkiriet sbieħ f’dan il-kunvent tas-sema! Hemmhekk ħlomt u rajt kollox iseħħ quddiemi! Hemmhekk, kif kien jħobb jgħidli l-mibki Patri Joe Saliba OFM Cap, tgħallimt ngħannaq miegħi lid-dinja!

Imxejna mal-kjostru, dħalna fir-refittorju, fil-kċina, fil-kannova u, wara li ħadna tazza ilma friska, tlajna fuq. Fl-istudentat. X’tifkiriet ħbieb! Fis-sular t’isfel tal-istudentat kont bdejt in-novizzjat tiegħi fis-sena 1994 u wara kont issuktatju fil-kunvent ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli.

Wara li tajt daqqa t’għajn mal-kuritur tlajna fuq. Anki hawn ġew fuqi biżibilju tifkiriet! Kif nista’ ninsa dawk iljieli ta’ talb li kien ikollna? Dak iz-zokk kbir li fuqu kien jistrieħ it-tabernaklu mqaddes b’dak id-dawl sabiħ elettriku jirrifletti fuqu? Kif nista’ ninsa l-laqgħat ta’ talb li kien ikollna mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-4.00 pm fil-Kappella? Flimkien ma’ dawk il-kompieti ħelwin wara jum impenjat ġmielu?

Ħuti, qabiżli d-dmugħ! Fejn hu dak iż-żmien? Fejnhom dawk l-istudenti? U l-mastrijiet li kellna? U, b’dawn is-sentimenti daqshekk sbieħ, qaddisa u li jagħtu l-ħajja, morna fis-sala tal-midja. Sadanittant ingħaqdu magħna Br Bernard u Br Jean Paul. Fil-11.00 bum bdejna. Kienet laqgħa tassew mimlija faraġ. Qabel tlabna lil Ġesù, lill-Ispirtu s-Santu, lil Marija, u, sintendi, lil San Franġisk u San Leopoldu.

Il-laqgħa kienet mimlija bl-Ispirtu s-Santu għax tkellimt jien u tkellmu huma. U tkellimna b’dik l-imħabba li tinkludi lil kulħadd. Kull Patri hu ħuna. Tafu x’kienet is-sabiħa? Li fid-diskors li tana l-Mulej, l-Ispirtu tiegħu beda jgħallimna li kulħadd għandu x’jagħti fil-biċċa mużajk li hi l-Provinċja Kapuċċina Maltija. Il-ferħ ta’ bejnietna issaħħaħ bil-ferħ li bih ġejt milqugħ mill-fraternità tal-Patrijiet.

Jekk tixtieq issir taf aktar dwar il-ħajja Franġiskana Kapuċċina ċempel waħda lil Br Miguel Żammit fuq 99275683. Jaf f’din il-ħajja se ssib dak li dejjem fittixt … l-imħabba li timlihielek qalbek! Abbli dan l-artiklu nkiteb … għalik!

Patri Mario Attard OFM Cap