Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid – Il-Ħamis
Qari I
Pawlu mar għandhom u qagħad jaħdem magħhom u kien imur jiddiskuti fissinagoga.
Atti 18, 1-8
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. Hemm sab wieħed Lhudi minn Pontu, jismu Akwila, li kien għadu kemm wasal mill-Italja ma’ martu Prixxilla; għax l-imperatur Klawdju kien ordna biex il-Lhud kollha jitilqu minn Ruma.
Pawlu mar għandhom u, billi kellu l-istess sengħa tagħhom, qagħad jaħdem magħhom. Is-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined. Kull nhar ta’ Sibt kien imur jiddiskuti fis-sinagoga u jfittex li jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.
Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu għax-xandir tal-kelma, u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija. Iżda huma waqfulu u bdew jidgħulu, u għalhekk Pawlu farfar ħwejġu u qalilhom: “Intom taħtu għat-telfien tagħkom, jien ma għandix ħtija! Minn issa ’l quddiem se ngħaddi għal għand il-pagani”.
Imbagħad telaq minn hemm u mar għand wieħed jismu Titu Ġustu, li kien iqim lil Alla, u li daru kienet maġenb is-sinagoga. Krispu, il-kap tas-sinagoga, u l-familja tiegħu kollha emmnu fil-Mulej, u ħafna mill-Korintin, li kienu jisimgħu lil Pawlu, emmnu huma wkoll u tgħammdu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
R/. (ara 2b): Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni tiegħu lill-ġnus
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 14, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ma nħallikomx iltiema, jgħid il-Mulej,
nerġa’ niġi għandkom, u qalbkom tifraħ.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena.
Ġw 16, 16-20
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”. Għalhekk xi wħud mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu bejniethom: “X’ifisser dan li qiegħed jgħid: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”, u li: “Jiena sejjer għand il-Missier”?”. Għalhekk qalu: “X’inhu dan il-“ftit ieħor” li hu qiegħed jgħid? Ma nafux xi jrid jgħid”.
Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh. Għalhekk qalilhom: “Qegħdin tistaqsu lil xulxin fuq dak li għedt: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”? Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu