Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid – Il-Ġimgħa
Qari I
Poplu kbir hawn għalija f’din il-belt.
Atti 18, 9-18
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta Pawlu kien f’Korintu, billejl deherlhu l-Mulej u qallu: “La tibżax, imma tkellem u tiskotx, 10għax jiena miegħek, u ħadd ma hu se jmidd idu fuqek biex jagħmillek ħsara; għax poplu kbir hawn għalija f’din il-belt”. Pawlu qagħad hemm sena u sitt xhur, jgħallimhom il-kelma ta’ Alla.
Imma meta Galljon sar prokonslu tal-Akaja, il-Lhud qamu għalenija kontra Pawlu, tellgħuh quddiem il-qorti, u qalu: “Dan il-bniedem qiegħed jipperswadi lin-nies biex iqimu lil Alla kontra l-Liġi”. Xħin Pawlu kien se jiftaħ fommu, Galljon qal lil-Lhud: “Li kieku kien hemm xi ħtija jew delitt, kien ikun hemm raġuni li nismagħkom bis-sabar kollu lilkom il-Lhud: imma jekk din hi kwistjoni dwar kliem u ismijiet u l-Liġi tagħkom, arawha intom; jien ma rridx nagħmilha ta’ mħallef fi ħwejjeġ bħal dawn”. U bagħathom ’il barra mill-qorti. Imbagħad ilkoll qabdu f’Sòsteni, il-kap tas-sinagoga, u tawh xebgħa quddiem il-qorti. Imma Galljon ma ta ebda kas ta’ dan.
Pawlu baqa’ hemm għal ħafna ġranet. Imbagħad infired mill-aħwa u rħielha bil-baħar lejn is-Sirja. Kellu miegħu lil Prixxilla u Akwila. F’Kenkri qata’ xagħru, għax kellu wegħda.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 46 (47), 2-3.4-5.6-7
R/. (8a): Alla s-sultan tal-art kollha
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Popli kollha, ċapċpu jdejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.
Irażżan il-popli taħtna,
il-ġnus iqiegħed taħt riġlejna.
Hu jagħżlilna l-wirt tagħna,
il-kburija ta’ Ġakobb, il-maħbub tiegħu. R/.
Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 24, 46.26
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Messija kellu jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet
u hekk jidħol fil-glorja tiegħu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom.
Ġw 16, 20-23a
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. Il-mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. F’dak il-jum xejn ma tistaqsuni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu