Qari tas-Sibt tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid – Is-Sibt

Qari I

Apollu kien jurihom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Messija.

Atti 18, 23-28

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Wara li għadda ftit taż-żmien f’Antjokja, Pawlu telaq u qagħad idur minn post għal ieħor fl-art tal-Galazja u l-Friġja, iwettaq id-dixxipli kollha. Wieħed Lhudi minn Lixandra, jismu Apollu, wasal Efesu. Kien raġel jinqala’ biex jitkellem, u għaref fl-Iskrittura. Kien mgħallem

fit-Triq tal-Mulej, u kien jitkellem b’ħeġġa kbira u jgħallem fuq Ġesù, għad li kien jaf biss bil-magħmudija ta’ Ġwanni. Dan beda jitkellem bi qlubija kbira fis-sinagoga. Prixxilla u Akwila semgħuh; ħaduh magħhom u fissrulu t-Triq ta’ Alla iktar bir-reqqa. Billi hu ried imur l-Akaja, l-aħwa għamlulu l-qalb u kitbu lid-dixxipli biex jilqgħuh. Meta wasal hemm, bis-saħħa tal-grazzja li kellu, kien ta’ għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu. U bil-qawwa kollha kien jagħlaq ħalq il-Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Messija.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 46 (47), 2-3.8-9.10

R/. (8a): Alla s-sultan tal-art kollha

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Popli kollha, ċapċpu jdejkom,

għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!

Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,

sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:

għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.

Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,

joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Jinġemgħu l-kbarat tal-popli

mal-poplu ta’ Alla ta’ Abraham.

Għax ta’ Alla huma l-kapijiet tal-art;

hu fl-għoli fuq kulħadd. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 16, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja.

Se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Il-Missier iħobbkom, billi intom ħabbejtu lili u emmintu.

Ġw 16, 23b-28

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, kulma titolbu lil Missieri f’ismi jagħtihulkom. Sa issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan għedthulkom bit-tixbihat. Għad tasal siegħa meta ma nkellimkomx aktar bit-tixbihat, imma bil-miftuħ inħabbrilkom dwar il-Missier. Dakinhar intom titolbu f’ismi, u ma ngħidilkomx li jien nitlob lill-Missier għalikom, għax il-Missier stess iħobbkom, billi intom ħabbejtu lili u emmintu li jiena ġejt mingħand Alla. Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja. Se nerġa’ nħalli d-dinja u mmur għand il-Missier”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu