Il-vera sbuħija fin-nies

Print Friendly, PDF & Email

Kemm hawn min hu iffissat u iffissata fuq kif jidher u tidher minn barra! Kemm jintefqu flejjes biex il-figura tibqa’ sura għax allaħares jekk tmur lura!

Kemm hawn min jonfoq ħalli xagħru u d-dwiefer ileqqu! Kien hawn min ħalla l-familja bil-ġuħ basta jidher u tidher tal-ġenn. Għax l-ewwel ma tiekol l-għajn. Imma l-għajn xi trid tiekol? Ħa nibqgħu nibbażaw kollox fuq dak li jidher? Fuq l-issikkar tal-ħwejjeġ u t-tqaċċit? Fuq is-senswalità, li meta tixxotta mill-imħabba ġenwina li tikkura, tieħu ħsieb, iżżiegħel u twiddeb bl-imħabba fil-verità, tagħmilna tant vojti li ġġibna nobogħdu lilna nfusna? Dan sew?

Messaġġ bl-Ilsien Ingliż li għamilli xebgħa ġid hu dan: Walk in humility and kindness, not arrogance and pride. Jiġifieri, imxi fl-umiltà u fil-ħlewwa u mhux fl-arronganza u fil-kburija. Qed nistħajjel xi wħud li qed iċaqilqu rashom u jgħidu: U kemm hawn minn dawn Patri! Naf ħija, oħti, li minn dawn hawn! U inżidlek biċċa oħra: issibhom kullimkien! Mhux biss fuq il-post tax-xogħol u tad-divertiment, għand tax-xagħar u tad-dwiefer jew tal-gym. Issibhom ukoll fil-familja, fil-knisja u fil-kunvent ukoll! Għax daqshekk hi gravi s-sitwazzjoni!

Jekk tkun trid toqgħod bi kwietek żgur li ma jħallukx! Moħħhom biex jindaħlu ħa tgħaddi tagħhom għax huma biss jifhmu. Ħaddieħor ma jifhimx! Donnu l-Mulej għamel magħhom ċens perpetwu li għerfu jgħaddih lilhom biss! U mbagħad, jekk ifettillek imqar tiftaħ ħalqek, aqta’ kif iduru għalik, jibilgħuk u jqattgħuk! Anki bil-pulit!

Dak issikkar! Dik ħamallaġni! Dik qerda qerdun! Ħallina ħbieb mill-arroganza! Għaliex għandi nirrikorri għas-senswalità biex nieħu l-poter li rrid? L-għaliex għandi nġennen l-imħuħ ta’ min hu vulnerabbli f’ruħu basta niddomina jien? Fejn se jwassluna l-arroganza u s-suppervja? Mhux fi preċipizju? U l-istorja tikber għax mhux il-persuna biss li tkun għażlet din il-mixja tal-qerda li tinqered fl-ispazju ta’ lil hemm mill-preċipizzju imma tniżżel magħha lil dawk kollha li ġġennu warajha! Wara d-duħħan!

Jekk trid tkun b’saħħtek u b’saħħti, setgħan u setgħani, ħa nkun persuna tal-għeruq! Ħa nkun persuna umli li miegħi tista’ titħaddet. U li fejn niżbalja nammetti u hekk nikbru flimkien. Għax meta jien umli li nista’ inkun ħanin għax nirrejalizza li qabel nikkundanna lil ħaddieħor hemm x’nikkundanna fija. Għalhekk nagħżel li nħenn.

Ejjew inkunu persuni li nħallu l-Mulej jużana biex ifejjaq mill-qiegħ bil-mod umli u bil-ħniena li nuru lejn xulxin. It-tbissima naturali li jkollna ma tkunx frott ta’ xi operazzjoni jew make-up imma tas-sbuħija tal-umiltà u l-ħniena li jkun hemm tiġri f’ruħna! Il-vera sbuħija fin-nies!

Patri Mario Attard OFM Cap